BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
17-03-2013
SOLLENNITÀ TA’ SAN ĠUŻEPP..19 TA’ MARZU.
Nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu 2013, il-Knisja tfakkar lil San Ġużepp ir-raġel ġust ta’ Marija. Fil-qalba tar-Randan Imqaddes, il-Knisja qed toffrilna l-possibiltà li nħarsu lejn Qaddis kbir u nimitawh. Il-ħinijiet tal-quddies fil-Bażilika: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am, 9.45am, 11.00am, 4.30pm u 6.30pm. Kulħadd jagħmel li jista’ biex isib ħin jisma’ l-quddiesa u jitqarben. Ninvistaw l-altar ta’ San Ġużepp u nitolbu l-grazzji li neħtieġu bl-interċessjoni ta’ dan il-Qaddis. “O Ġużeppi Missier tagħna b’talbek ieqaf dejjem magħna.”
Pellegrinaġġ għall-Qala: Nhar it-Tlieta ser ikollna quddiesa fid-9.00am fil-Knisja Arċipretali tal-Qala ddedikata lil dan il-qaddis. Ser ikollna trasport mill-pjazza fit-8.30a.m.
L-Ewwel Qrara
Nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu 2013 ser ikollna okkażjoni sabiħa li fiha t-tfal tal-Year 3 ser jagħmlu l-Ewwel Qrara. Niltaqgħu fil-Knisja Bażilika fis-6.00pm. L-ommijiet u l-missirijiet jew dawk responsabbli mit-tfal għandhom ikunu f’posthom u jieħdu sehem sħiħ f’din iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali. Minħabba li nhar ta’ Tnejn it-tfal kollha tad-Duttrina jkollhom il-katekiżmu fil-knisja, it-tfal kollha ser ikollhom katekeżi fuq il-Qrar bil-possibilità li jersqu għas-Sagrament tal-Qrar. Fit-tmiem taċ-ċelebrazzjoni Penitenzjali tingħata tifkira personalizzata lit-tfal li għamlu l-Ewwel Qrara.
Harġa Kbira għal Malta
Nhar it-Tlieta, festa pubblika, grupp sabiħ mill-Parroċċa tagħna ser jieħu sehem f’Ġita għal Malta, li issa ta’ kull sena saret parti mill-kalendarju Parrokkjali u tkun mistennija minn ħafna familji. Ser inżuru r-Redentur tal-Isla, il-Festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat, is-Suq ta’ Marsaxlokk u postijiet ta’ nteress. Biljetti sa għada f’nofsinhar mill-Uffiċċju Parrokkjali.
Eżerċizzi għaż–Żgħażagħ
Qed nagħmlu sejħa speċjali lill-istudent adoloxxenti u żagħżagħ Xagħrin sabiex matul din il-ġimgħa jkunu preżenti fit-8.00pm fil-Bażilika għall-Kors ta’ Eżerċizzi maħsuba għalihom. Il-Predikatur tagħhom ser ikun is-saċerdot żagħżugħ Fr. Joseph Curmi Vigarju Parrokkjali tal-Parroċċa tan-Nadur. Ġenituri fakkru lil uliedkom sabiex ikunu minn tal-ewwel li jattendu.
Eżerċizzi għal Kulħadd.
Fr. Noel Saliba ser ikun il-predikatur li matul din il-ġimgħa fis-7.00pm fil-Bażilika ser imexxi l-aħħar Kors ta’ Eżerċizzi għar-Randan 2013. Żgur li għad fadal ħafna nies li għandhom jilqgħu din l-istedina ta’ grazzja u jattendu. Għad fadal ħafna miżżewġin li għadhom sajmin mill-Kelma t’Alla u s-smigħ tagħha f’dan ir-Randan Imqaddes. Nattendu u inħeġġu lil min jattendi.
Ġabra għas-Seminarju
Nhar il-Ħamis li ġej, ikollna magħna lis-Seminaristi sabiex nagħmlu l-aħħar ġabra għas-Seminarju tagħna. Is-Seminarju huwa l-qalb tad-Djoċesi. Ngħożżu dan il-post li qed jipprovdielna s-saċerdoti tal-futur. Inkunu ġenerużi u frott is-sawm tagħna noffru l-karità għal matul dan ir-Randan Imqaddes.
Festa tad-Duluri
Nhar il-Ġimgħa li ġejja ser tkun ġurnata ta’ devozzjoni lejn id-Duluri u t-tbatijiet li sofriet Marija ħdejn is-Salib ta Binha. Ikollna Jum ta’ Adorazzjoni. Fit-3.00p.m. ikollna s-Siegħa tad-Duluri. Fis-6.00pm Purċissjoni Devota bis-sehem tal-Banda Victory. Wara nieħdu sehem fil-Konċelebrazzjoni bil-prietka tal-okkażjoni.
CRUCIFIXUS.
Nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu, fis-7.30pm ser jittella’ kunċert Crucifixus mill-iSchola Cantorum Jubilate. Ser jiġu esegwiti diversi biċċiet mużikali minn kompożituri rinomati fosthom Palestrina, Croce, Bartolucci u Stainer. Ser nisimgħu wkoll il-‘Miserere‘ ta’ Allegri, biċċa xogħol korali famuża f’dan iż-żmien tar-Randan. Kulħadd huwa mistieden. Nitlobkom tistiednu wkoll il-ħbieb tagħkom. Hija okkażjoni fejn ser infakkru l-100 sena mill-miġja tal-Kurċifiss ta’ Lecce fil-Knisja Bażilika tagħna.
Hadd il-Palm
Nhar il-Ħadd li ġej, inżommu l-appuntament tagħna ħalli nieħdu sehem sħiħ fil-purċissjoni li tfakkar id-daħla ta’ Kristu f’Ġerusalemm. Intom mitluba li f’dan il-Ħadd tagħżlu l-quddiesa ċentrali li tiftaħ il-Ġimgħa Mqaddsa, jiġifieri l-quddiesa tal-9.45am. It-trabi u t-tfal żgħar tistgħu tlibbsuhom bil-libsa stil Lhudi. Jitqassmu l-friegħi tal-Palm u taż-Żebbuġ, u wara din il-quddiesa jitqassmu l-boroż bil-weraq imbierka taż-żebbuġ, li din is-sena ser ikollhom fuqhom l-arma tas-Sena tal-Fidi.
Pellegrinaġġ taċ-Ċentenarju
Il-Pellegrinaġġ taċ-Ċentenarju ser isir nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2013 mill-Knisja tan-Nazzarenu għall-Bażilika. F’dan il-pellegrinaġġ ser jinġarr il-Kurcifiss devot tal-vara l-kbira li wasal fil-Parroċċa tax-Xagħra mitt sena ilu. In-nies tal-wegħdi jġorru salib jew ktajjen waqt li t-tfal ser iġorru salib żgħir li jingħata mill-Knisja tan-Nazzarenu fl-okkażjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ storiku.
Bazaar tal-Għid
Il-Bazaar tal qassatat tal-Għid, tal-qagħaq tal-għasel u tal-figolli qed isir kollu kemm hu b’għajnuna lill-knisja tagħna għall-bżonnijiet li għandha. Waqt li ngħidu grazzi mill-qalb lill-voluntiera tagħna, inħeġġu lil kulħadd jakkwista minn dawn il-prodotti tipiċi Xaghrin marbuta mal-festi tal-Għid.
Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa
Poster tal-Kurċifiss u programm tal-Ġimgħa Mqaddsa qed jitqassmu f’numru limitat lill-familji li jixtiequh. Żommuh mal-kollezzjoni tas-sett tal-posters marbuta mal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fix-Xaghra. Qed jiġu ppublikati: ktejjeb speċjali dwar il-Ġimgħa l-Kbira fix-Xagħra mħejji mill-Kumitat tal-Festi tal-Ġħid, u l-gazzeta “Ix-Xagħra” li ser ikollha supplement dwar il-Kurcifiss u dwar il-ħidma pastorali marbuta ma’ din is-Sena tal-Fidi.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Tunetta Buttiġieġ u wliedha qed joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Ruman Buttiġieġ u l-għażiża bintha u oħthom Vicky Said.