BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
24 ta’ Marzu, 2013
ĦADD “BLA” PALM
Illum niftħu l-Ġimgħa Mqaddsa billi nagħtu s-sehem tagħna fit-tberik tal-Palm u taż-Żebbuġ fil-Purċissjoni bis-Salib Rebbieħ. Is-sehem tagħna juri x-xewqa tagħna li nistiednu lill-Mulej “Jiġi” jagħmel l-Ikla tal-Għid għandna.
Pogramm: 8.45am: Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum.
9.15am: Purċissjoni mill-Knisja Bażilika għal Triq Spiera u Triq Knisja. F’salib it-toroq ta’ Triq Knisja, isir it-tberik tal-friegħi tal-Palm u taż-Żebbuġ u l-qari mill-Iskrittura. Titkompla l-Purċissjoni bis-Salib sal-Knisja.
Purċissjoni Peagent tat-Tfal
Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tax-Xagħra qed jorganizza purċissjoni oħra mit-tfal għat-tfal. Din il-purċissjoni, li ilha ssir iktar minn tletin sena hija unika. Il-ġenituri u n-nanniet u l-familjari għandhom ikunu minn tal-ewwel li jdaħħlu din id-drawwa sabiħa f’uliedhom. Il-purċissjoni ser tkun illum Ħadd il-Palm, u tibda fis-6.00pm.
Reffiegħa, Forċini u Personaġġi
Għada t-Tnejn 25 ta’ Marzu, fis-7.30pm, il-Kumitat tal-Għid, flimkien mal-Arċipriet, qed jorganizza laqgħa ta’ Talb, Qrar u Adorazzjoni tas-Salib. Dawk kollha li jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandhom ikunu minn tal-ewwel li jattendu. Din is-sena ser issir l-Ostensjoni tal-Kurċifiss tal-Vara l-Kbira waqt din iċ-ċelebrazzjoni.
Pellegrinaġġ Devot bis-Salib
Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-wasla tal-Kurċifiss devot tal-vara l-kbira, nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu, ser isir pellegrinaġġ storiku mill-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu għall-Knisja Bażilika. Il-pellegrinaġġ jibda fis-6.30pm, u matul it-triq issr il-meditazzjoni tal-Via Crucis. Il-familji tat-Triq Ġnien Xibla u Triq it-Tiġrija jżejnu u jixgħelu d-djar tagħhom. Fil-Bażilika jkollna jum ta’ Qrar u Ċelebrazzjoni tar-Rikonċiljazzjoni għall-poplu kollu. Inħeġġu lil kulħadd biex jersaq għas-Sagrament tal-Qrar. L-aħħar quddiesa fil-Bażilika tkun fl-4.30pm.
Ħamis ix-Xirka
Jum għażiż li jiftaħ it-Tridu tal-Għid, huwa Ħamis ix-Xirka, Jum li jfakkar fit-twaqqif tas-Saċerdozju. Inkunu preżenti fil-Bażilika għall-funzjoni tal-Ħasil tar-Riġlejn. Stedina speċjali lill-membri tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet u l-istudenti li din is-sena ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Il-funzjoni tibda fis-7.00pm.
“Ġimgħa l-Kbira” – Jum ta’ Sawm u Astinenza
Programm:
8.00am: Fil-Knisja Bażilika, talb tal-Liturġija tas-Sigħat (bil-Malti) mill-Kapitlu Kolleġġjali u l-Kleru tal-Parroċċa bis-sehem tal-poplu.
9.00am: Viżti għat-tfal u l-poplu fil-Bażilika.
3.00pm: Azzjoni Liturġika. Qari Solenni tal-Passjoni tal-Mulej, Adorazzjoni Solenni tal-Għuda tas-Salib u Tqarbin Imqaddes.
6.00pm: Purċissjoni – pageant tal-Ġimgħa l-Kbira bis-sehem tal-W.R. Kapiltlu Kolleġġjali u l-Kleru. Imexxi l-purċissjoni Mons. Arċipriet Carmelo Refalo. Tieħu sehem il-Banda Victory tax-Xagħra.
Sibt il-Għid
Programm:
8.00am: Fil-Knisja Bażilika, talb tal-Liturġija tas-Sigħat (bil-Malti) mill-Kapitlu Kolleġġjali tal-Parroċċa bis-sehem tal-poplu. F’dan il-jum, il-Knisja tirrakkomanda s-sawm, mhux ta’ penitenza, imma ta’ stennija għall-isbaħ u l-akbar Velja tal-Knisja.
12.00pm: Fl-Oratorju tal-Passjoni, laqgħa ta’ spiritwalità għal-letturi kollha li ser ixandru l-Kelma t’Alla waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Velja tal-Għid.
8.00pm: Is-Sahra tal-Lejl Qaddis tal-Għid il-Kbir. Mixegħla tad-dawl; Tħabbira Solenni tal-Għid; Liturġija tal-Kelma t’Alla; Kant tal-Glorja; Liturġija tal-Magħmudija u Liturġija Ewkaristika. Inħeġġukom biex din iċ-ċelebrazzjoni nagħtuha l-importanza li jixirqilha.
Nies tal-Wegħdi! Laqgħa Mportanti
Dawk il-persuni li ser iġorru slaleb jew ktajjen tal-wegħdi fil-Pellegrinaġġ taċ-Ċentenarju u fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, huma mħeġġa jkunu preżenti fil-bażilika nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu, waqt il-quddiesa tas-6.30pm, u wara, għal-laqgħa tar-Rikonċiljazzjoni. Jingħataw direttivi mportanti. Jekk xi ħadd għandu xi diffikulta’ li jattendi, jinforma lis-Sur Carmelo Sultana jew lis-Sur Charlie Sultana fuq Tel. No. 77221216.
Neħtieġu Malajr: Weraq tal-Bella Donna, buqari, aspidastri, ġiżi abjad u freżia għas-Sepulkru. Ġibuhom il-knisja sa nhar it-Tnejn li ġej.
Wirja ta’ Arti Sagra
Nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu ser isir il-ftuħ tal-Wirja ta’ Arti Sagra, xogħol ta’ Aaron Formosa, fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Fis-6.00pm, l-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech ser jinawgura din il-wirja li ser tkun miftuħa mit-23 ta’ Marzu sat-3 t’April.
Kummissjoni Djoċesan Żgħażagħ
Qed issir sejħa lill-adoloxxenti u żgħażagħ ta’ bejn it-13 u 30 sena biex jagħmlu parti mill-Kor li ser ikanta fl-okkażjoni tal-Griżma tal-Isqof li ser issir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju 2013 fis-6.00pm. L-auditions ser isiru nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu wara nofsinhar u nhar is-Sibt 30 ta’ Marzu filgħodu. Formoli jinkisbu mill-Uffiċċju Parrokkjali.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Carmela Sultana u wliedha joffru €15 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Saver Sultana.