BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
10-03-2013
GĦAXAR MODI KIF NGĦIXU S-SENA TAL-FIDI
Għaxar modi ta’ kif ngħixu s-Sena tal-Fidi huma mogħtija lilna mill-isqof David Ricken, iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Evanġelizzazzjoni u l-Katekeżi f’isem il-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Amerikani.
1) Ħu sehem fil-Quddiesa regularment
- L-iskop tas-Sena tal-Fidi hu li tiltaqa’ personalment ma’ Kristu.
- Issa fil-Quddiesa tiltaqa’ ma’ Kristu, sew fil-Kelma Tiegħu kif ukoll fl-Ewkaristija. U l-Fidi tiegħek tissaħħaħ.
2) Ersaq spiss lejn il-Qrar – is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni
- Il-Qrar igħinek iddur lejn Alla.
- Il-Qrar jaħfirlek id-dnubiet tal-imgħoddi u jagħtik qawwa għal li ġej.
3) Aqra l-Bibbja kuljum
- Permezz tal-Lectio Divina u tal-qari devot , int issir aktar midħla tal-Kelma t’Alla.
4) Aqra d-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
- Il-Konċilju Vatikan II daħħal tiġdid fil-Knisja.
- Biex dan it-tiġdid jissokkta, jeħtieġ li l-Kattoliċi jifhmu aktar x’għallem il-Konċilju u kif dan it-tagħlim jagħni l-ħajja tagħhom.
5) Nerġgħu nistudjaw il-katekiżmu
- Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika ġie ppublikat 30 sena ilu. Fih insibu:
- X’għandna nemmnu – il-Kredu.
- X’għandna nagħmlu – Il-Kmandamenti.
- X’għandna nirċievu – Is-Sagramenti.
- X’għandna nitolbu – Il-Missierna u talb ieħor.
6) Aqra l-ħajjiet tal-Qaddisin
- Huma mudelli li fuqhom nistgħu nfasslu l-ħajja nisranija.
- Huma eżempju ta’ kif nistgħu naqdu u nogħġbu lil Alla bil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
7) Agħmel ħidma ta’ volontarjat fil-parroċċa.
- Il-Fidi trid tissarraf f’egħmejjel tajba.
- Il-Parroċċa hi l-aħjar post fejn tista’ tagħti sehemek:
- Bħala Ministru Straordinarju tat-Tqarbin
- Bħala Usher, Lettur jew Animatur
- Bħala Katekist jew membru fl-Għaqdiet
- Bħala Youth Minister, eċċ.
8) Għin lil min hu fil-bżonn
- B’hekk int tiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ Kristu fil-marid, fl-anzjan u tagħti eżempji tajba lill-oħrajn.
9) Ħajjar lil xi ħabib għall-Quddiesa
- Ftakar: kelma tiegħek tista’ tagħmel differenza.
- Jekk taf b’xi ħadd li tbiegħed mill-Knisja, issa ċ-ċans li tgħaddilu kelma ħelwa.
10) Għix il-Beatitudni fil-ħajja tiegħek
- It-tmien Beatitudni jinsabu fid-diskors tal-muntanja (Matt. 5: 1 – 11)
Katekeżi Sena tal-Fidi (5)
Nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu 2013, ser issir il-Katekeżi għall-poplu fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi. Il-Katekeżi tibda fis-7.00pm bit-tema “Bata taħt Ponzju Pilatu”. It-tfal kollha tad-duttrina jkollhom il-katekeżi fiċ-Ċentru taż-Zgħażagħ, waqt l-istudenti tal-Ġriżma tal-Isqof għandhom ikunu preżenti mal-ġenituri tagħhom fil-knisja.
Persuni Kkonsagrati
Nhar is-Sibt, 16 ta’ Marzu, ser ikun hemm Adorazzjoni fil-Knisja tal-Għarb mis-6.30pm sat-8.30pm għall-Qdusija tal-Persuni Kkonsagrati.
MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOĊESI T’GĦAWDEX
Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 iIli jattendu fl-Iskejjel Primarji tal-Istat, DEJJEM JEKK IRIDU, huma ġentilment mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 21 u 22 ta’ Marzu mid-9:00 a.m. sal-11.30 a.m.
L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (dħul mill-parking tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex). Min japplika mitlub jieħu miegħu: Ċertifikat oriġinali tat-Twelid tat-tifel/tifla kif ukoll żewġ ritratti tiegħu/tagħha. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identità tal-ġenituri. It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2002. Isir ħlas ta’ €10 mal-applikazzjoni.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
L-aħwa Buttiġieġ joffru €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom M’Angelo u Salvina, u oħthom Marija Buttigieg.