BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
22 -04-2012
“LE” GĦAD-DAGĦA
Waqt li nħossu d-dmir li nitolbu għad-dgħajja u nnisslu fihom stmerrija għall-vizzju tad-dagħa, illum ningħaqdu flimkien fil-Parroċċa ta’ Kerċem sabiex infaħħru l-Isem Imqaddes t’Alla. Il-lejla aħna mistiedna sabiex nattendu għall-Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla b’dan il-programm:
4.30pm: Trasport mill-Pjazza u min-Nazzarenu għal Kerċem.
5.00pm: Korteo li jitlaq minn ħdejn il-Kunvent tas-Sorijiet Karmelitani, u wara, programm ta’ diskorsi, u messaġġ mill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex.
Ikun imfaħħar l-Isem t’Alla.
Nibżgħu għall-Jum tal-Ħadd
“Ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-Jum tal-Ħadd”.
Bħalissa hawn kurrenti qawwija li qed jippjanaw sabiex il-Jum tal-Ħadd inġibuh jum bħall-oħrajn. Għal ħafna dan il-jum jista’ jinbidel f’jum ieħor bħall-oħrajn. Għal ħafna, din il-ġurnata issir “shopping day” jew ġurnata oħra ta’ xogħol u ħidma. Ma naqgħux fl-iżball li f’isem il-produzzjoni nġibu dan il-jum għall-produzzjoni, bi skuża biex l-ekonomija ma tmurx lura. Fuq kollox, inħarsu l-aspett Reliġjuż tal-Ħadd. Importanti li ma nitilfu qatt il-quddiesa tal-Ħadd u tal-Festi Kmandati. Inħallu l-Jum tal-Ħadd bħala jum tal-mistrieħ. Qatt m’għandu jsir xogħol li ma jiswiex isir f’Jum il-Mulej.
Illum Jum il-Papa
Matul din il-ġimgħa fakkarna il-birthday tal-Papa Benedittu XVI u s-7 Anniversarju mill-Pontifikat tiegħu. Illum nitolbu għalih fil-quddies kollu u noffru l-ġabra fil-quddies għall-karità li jagħmel il-Papa.
Is-7 Anniversarju mill-Pussess tal-Arċipriet Mons. Catrmelo Refalo
Nhar it-Tlieta, 17 t’April 2012, fis-7.00pm, fil-Knisja Bażilika saret quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla fil-bidu tat-tmien sena tal-missjoni pastorali tal-Arċipriet Carmelo Refalo. Kemm kien mument sabiħ u għażiż għalina lkoll, l-aktar meta fil-Kant tal-Ave Marija, il-kongregazzjoni fi tmiem il-quddiesa nġabret quddiem l-istatwa Inkurunata ta’ Marija Bambina biex taħt il-ħarsien tagħha nafdaw dan il-ministeru marbut mal-ħidma tal-Arċipriet. Inrodd ħajr lil tant nies li offrew talb u bukkett spiritwali f’dan il-jum.
Fl-Embrijon hemm il-ħajja umana. Nirrispettaw il-ħajja sa mill-bidunett tagħha. |
Safra fl-Italja
Bejn it-13 u 21 ta’ Settembru, il-Parroċċa tax-Xagħra flimkien mal-Arċipriet, ser torganizza ġita u pellegrinaġġ f’postijiet mill-isbaħ fl-Italja. Aqta’ x-xewqa ta’ ħajtek sabiex iżżur postijiet għeżież marbuta ma’ Padre Pio, San Franġisk t’Assisi, Santa Rita, Pompej, Ruma u l-udjenza mal-Papa fil-Vatikan. Ħafna nies diġa ġew jitolbu aktar informazzjoni. Ejja inti wkoll fl-Uffiċċju Parrokkjali.
Xagħra Summer Club 2012
Għas-seba’ sena konsekuttiva, il-Parroċċa tax-Xagħra bi pjaċir tħabbar li ser terġa torganizza s-Summer Club għal studenti subien u bniet matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Morru nkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali. Ġenituri ftakru fl-esperjenza kbira u sabiħa tas-sena l-oħra u tħallux għall-aħħar.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
L-aħwa Bajada joffru €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom Lorenzo u Marija Bajada.