BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
29-04-2012
GRAZZJA KBIRA: JUM IL-VOKAZZJONIJIET 2012
Il-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb tfakkarna fis-sbuħija tal-ministeru pastorali, jiġifieri, li l-Knisja jkollha saċerdoti, reliġjużi u persuni kkonsagrati li jwasslu l-messaġġ tal-Evanġelju. It-talba ta’ Ġesù: “Itolbu lil Sid il-ħsad sabiex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.”, għandha tkun it-talba tagħna lkoll. Il-Knisja għaddejja minn mumenti ta’ provi kbar, u minkejja li ħafna pajjiżi hemm żieda ta’ vokazzjonijiet, ħafna oħrajn jinsabu f’nuqqas kbir ta’ vokazzjonijiet.
Jeħtieġ li nqumu u niftħu għajnejna sabiex b’urġenza nitolbu u naħdmu għall-vokazzjonijiet. Illum fil-quddies kollu ssir sejħa għat-talb u għall-ħidma favur il-vokazzjonijiet. Noħolqu ambjent li jiffavorixxi l-vokazzjonijiet. Inħajru sabiex it-tfal subien jidħlu bħala abbatini. Naraw li fejn hemm studenti tal-affari tagħhom , dawn jattendu għal-laqgħat tal-vokazzjonijiet.
L-Adorazzjoni kull filgħodu, mit-Tnejn sal-Ġimgħa fil-Kappella tas-Sagrament, kif ukoll l-Adorazzjoni tal-Ħamis, għandhom isibu l-appoġġ tal-familji billi nattendu għal dan it-talb li jagħmlilna tant ġid.
Grazzja Kbira
Inroddu ħajr lil Alla għall-vokazzjonijiet li għadu jqanqal fil-qlub ta’ tant żgħażagħ. Inroddulu ħajr għas-saċerdoti, reliġjużi, persuni kkonsagrati u missjunarji.
Grazzi għal Sr. Martha Joy Mifsud tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità u għal Sr. Georgeanne Sultana tal-Ursolini.
Grazzi għad-Djaknu Mark Bonello, is-seminarista Daniel Sultana, is-seminarista Mario Curmi u s-seminarista Joseph Hili.
Inroddu ħajr lil Alla għas-seminarista Daniel Meilaq mill-Parroċċa tan-Nadur, li qed iwettaq ħidma pastorali fil-parroċċa tagħna.
Impenn: Nitolbu ħafna u naħdmu għall-vokazzjonijiet. Kull nhar ta’ Sibt isiru laqgħat fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fil-11.00am, li għalihom jattendu studenti mill-Forms III, IV, V, u VI. Il-laqgħat għall-istudenti ta’ Forms I u II isiru fil-4.30pm.
Xi Grazzja Kbira li tgħożż u li titlob għall-vokazzjonijiet.
San Ġużepp
Qed jasal fi djarkom il-programm bl-attivitajiet marbuta mal-festa ta’ San Ġużepp. Insegwuh u nattendu bi ħġarna. L-envelope li qed jaslilkom fi djarkom ser jinġabar mill-helpers nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju 2012. Stennewhom u nagħtu offerta mill-qalb.
Għall-Professjonisti Għawdxin
Il-Moviment Gradwati Għawdxin jistieden lill-gradwati u l-membri tal-professjonisti kollha (anke koppji) għall-quddiesa tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar fl-4 ta’ Mejju minn Fr. Michael Galea (Xagħra). Bħas-soltu ssir fil-Knisja ta’ Santu Wistin (Victoria) fit-8.30pm. Ikun hemm il-possibiltà tal-Qrar minn kwarta qabel.
Xi Tagħrif
- L-ewwel ta’ Mejju nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp għall-ħaddiema kollha.
- Fil-ħlewwa ta’ Mejju – ix-xahar tal-Madonna. Nitolbu ħafna lill-Madonna sabiex tħares lill-familji tagħna kollha. Ngħidu t-talba tar-Rużarju kuljum.
- L-Erbgħat ta’ Santa Marija. Nhar l-Erbgħa , 2 ta’ Mejju nagħtu bidu għal 15-il Erbgħa bi tħejjija għall-festa tal-Assunta.
- Għada t-Tnejn, 30 t’April ser issir il-laqgħa ta’ Padre Pio fl-Oratorju tal-Passjoni fl-4.00pm.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Bernarda Gafà u wliedha joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Joseph Gafà.
