BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
15-04-2012
ĦNIENA DIVINA
“Jiena nixtieq li l-ewwel Ħadd fuq l-Għid tkun il-festa tal-Ħniena Divina. F’dak il-jum jinfetħu l-bibien kollha divini li minnhom tgħaddi l-grazzja….” Dawn il-kelmiet mid-djarju ta’ Suor Faustina, huma sejħa sabiex illum nitolbu lill-Kbir Alla jkollu ħniena minna u mill-umanità kollha. Mill-istess djarju naqraw il-kliem tal-Mulej Ġesù dwar il-festa: “ Jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena tkun refuġju u kenn għall-bnedmin kollha u l-aktar għall-imsejkna midinbin ….Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk l-erwieħ li jersqu lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Ir-ruħ li tqerr u li titqarben f’dan il-jum takkwista maħfra sħiħa tad-dnubiet u tal-kastig…L-umanità ma ssibx paċi sakemm hija ma ddurx lejn l-Għajn tal-Ħniena Tiegħi”.
Programm: Illum il-Parroċċa tagħna tiċċelebra kif jixraq il-festa tal-Ħniena Divina.
4.00pm: Adorazzjoni b’riflessjoni u t-talba tal-kurunella tal-Ħniena Divina.
5.00pm: Quddiesa bil-prietka tal-Festa tal-Ħniena Divina. Nattendu bi ħġarna.
ĠESÙ JIENA NAFDA FIK
Jum il-Papa
Fl-okkażjoni tas-7 anniversarju mill-ħatra ta’ Benedittu XVI bħala Papa (19t’April), illum il-Ħadd ser niċċelebraw Jum il-Papa fid-Djoċesi tagħna. Għal din l-okkażjoni ser ikollna fostna lin-Nunzju Apostoliku Mons. Tommaso Caputo, li ser imexxi quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu fil-5.00pm. Mons, Isqof Mario Grech jistieden lill-katekisti tad-Djoċesi tagħna biex jippartiċipaw f’din it-talba għall-Papa.
Kumitat Ġimgħa l-Kbira u Festi tal-Għid
Għal sena oħra, il-kumitat irnexxielu jgħolli l-livell tal-Purċissjoni Pageant, li liema professjonalità jagħmel waħda mill-aqwa purċissjonijiet fil-gżejjer Maltin . Il-kumitat attwali jistieden membri ġodda sabiex nippreparaw għaċ-ċelebrazjoni tas-sena 2013 li tfakkar l-ewwel 100 sena mill-miġja tal-Kurċifiss tal-Vara l-Kbira li wasal minn Lecce fl-Italja fl-1913.
Tagħrif u Teftif
- Seminarju: Inroddulkom ħajr għall-ġabra b’risq is-seminarju li saret waqt l-Eżerċizzi tar-Randan. Din is-sena l-ġabra laħqet is-somma ta’ €1912.33 (Bażilika). Ir-Rettur flimkien mal-komunità tan-Nazzarenu jroddulkom ħajr għas-somma ta’ €450, li nġabret min- Nazzarenu.
- Bazaar tal-Għid: Minn qalbna nroddu ħajr lill-helpers kollha li għinu fil-Bazaar tal-Għid, li ddedikaw siegħat u ġranet sħaħ sabiex igħinu lill-knisja tagħna. Grazzi mill-qalb u l-Bambina tbierek l-impenn tagħhom favur il-komunità tax-Xagħra.
- Il-Kulleġġ ta’ Għawdex, Primarja Xagħra, matul din il-ġimgħa qed tilqa’ applikazzjonijiet għad-dħul fil-klassijiet tal-Pre Kinder (it-tfal li twieldu fis-sena 2009), Kinder u Year 1 li tibda f’Settembru / Ottubru 2012. Il-ġenituri jieħdu magħhom il-ktieb tat-tilqim.
Ħidma ta’ Restawr u Konservazzjoni
- Nitolbukom tkomplu twasslu offerti għar-restawr li qed isir fil-kopletta quddiem l-altar ta’ San Lawrenz, liema restawr qed jiswa lill-knisja eluf ta’euro biex ma nsemmux il-ħafna xogħol volontarju.
- Restawr u bdil ta’ wieħed mit-travi l-kbar fis-saqaf tas-sagristija.
- Restawr fil-bibien u kaxxarizzi tal-abbatini.
- Restawr u konservazzjoni tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju minn Manwel.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Mananni Spiteri u wliedha joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Pawlu Spiteri.