BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
20- 05-2012
META JISPIĊĊA T-TBERIK TAL-GĦID!
Inħoss li huwa d-dmir tiegħi li bħala Ragħaj Spiritwali tagħkom ngħid “GRAZZI” lill-poplu kollu tax-Xagħra tal-laqgħa li għamiltu lill-Ministru t’Alla waqt it-tberik tal-Għid. Il-familji tax-Xagħra għadhom jippreparaw u jistennew din il-laqgħa mal-Arċipriet. Napprezza ħafna lil dawk il-familji li dejjem avżaw jew skużaw ruħhom meta kienu “indisposti”. Id-“deċima” fl-offerta hija l-għajnuna li tingħata u li turi l-apprezzament għas-servizz li nagħtu bla nteress u b’dedikazzjoni kontinwa. Il-Bambina tbierek lilkom ilkoll. Grazzi għan-nom tas-sagristani u l-abbatini.
Il-Griżma tal-Isqof
Nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju, numru sabiħ ta’ studenti subien u bniet ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Għal darb’oħra ser nagħtu sagrament prezzjuż li huwa msejjaħ “is-Sagrament tal-Maturità”, għax il-Griżma hija s-sagrament tal-adulti fil-Knisja. Waqt li nifirħu ma’ dawn l-istudenti u mal-familji tagħhom, tajjeb li nirriflettu mal-Knisja kollha: Kemm inkunu konxji ta’ dak li jkun qed isir waqt is-sagrament bħal dak tal-Griżma tal-Isqof, Żwieġ, etc?
Il-Konsagrazzjoni tal-Knisja
“Happy Anniversary” lill-knisja tagħna fil-jum tal-Konsagrazzjoni tagħha, nhar is-26 ta’ Mejju 2012. Inħarsu il-jum tad-dedikazzjoni tat-Tempju bis-smigħ tal-quddies u bit-tqarbin.
Programm: F’dan il-jum, kull min iżur il-Bażilika jirbaħ l-indulġenza Plenarja skont il-kundizzjonijiet tas-soltu.
Ħinijiet tal-quddies: 5.15am, 6.00am, 6.30am, 7.45am, u 5.00pm: Quddies bl-omelija fil-Bażilika.
9.00am: Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija minn Mons. Arċipriet Carmelo Refalo flimkien mal-Kapitlu u l-Kleru tal-Kolleġġjata tagħna.
7.30pm: Quddiesa tal-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin.
Tħejjija għal Pentecoste
Inkomplu n-Novena ta’ Pentecoste billi kuljum nattendu għat-talb tan-Novena li jsir filgħaxija u nitħejjew għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin. Din hi “in-Novena” li Ġesù nnifsu xtaq meta talab lill-Appostli biex flimkien mal-Madonna jinġabru fiċ-Ċenaklu jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu.
Velja ta’ Pentecoste
Nhar is-Sibt li ġej, ser issir il-Velja ta’ Pentecoste fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem, fejn ser jinġabru l-parroċċi tad-Djoċesi t’Għawdex mal-Isqof tagħna l-E.T. Mons. Mario Grech. Trasport mill-pjazza fis-7.00pm Nattendu bi ħġarna.
Deċenza fl-Ilbies
Nhar it-Tnejn, 13 ta’ Mejju, Mons. Isqof Mario Grech nieda kampanja għall-“Ambjent Moralment Nadif”. Dan ifisser l-attenzjoni dwar għera u ilbies l-aktar f’dawn il-ġranet tas-sajf. Nagħmlu appell qawwi għall-ilbies deċenti u jixraq fil-knisja, u ilbies suriet in-nies fit-toroq u fil-familji tagħna.
Grazzi għall-Offerti Tagħkom
N.N. għall-altar ta’ San Lawrenz: €50
Famija Galea (Awstralja): €40
N.N. €20.
Restawr tal-Madonna tar-Rużarju: €1,000.
Illum titilfux Mothers’ Day High Tea, tal-Fund Raising tal-Parroċċa b’risq il-festa ta’ Marija Bambina.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Marija Magrin u l-familja joffru €10 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha u nanniet Wiġi u Franġeska Vella.
