BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
6-05-2012
ĠUŻEPPI MISSIER TAGĦNA…
Illum il-Parroċċa tagħna tiċċelebra lil San Ġużepp Kompatrun tar-raħal tagħna. L-attwalità ta’ din il-festa, hi marbuta ħafna mas-sens tal-paternità u l-figura tal-missier fis-soċjetà u fil-familja. Il-preżenza tal-missier fil-kontribut indispensabbli li għandu jagħti u jgħin fil-binja u fl-iżvilupp tan-nukliju tal-familja, speċjalment fejn hemm l-ulied. M’għandux jonqos is-sapport lill-familjari li għandhom din il-figura nieqsa f’każ ta’ mewt, safar, anonimità jew abbandun. San Ġużepp illum iwaslilna l-virtù tar-rispett u tar-responsabilità li s-soċjetà tagħna u l-familja tant għandhom bżonn.
Programm:
5.00pm: Konċelebrazzjoni Solenni ta’ jum il-festa mmexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien mal-W.R. Kapitlu u Kleru tal-Kolleġġjata Insinji ta’ Marija Bambina.
6.30pm: Ħruġ tal-Purċissjoni Solenni bl-istatwa artistika u devota ta’ San Ġużepp. Imexxi Mons. Arċipriet Carmelo Refalo. Takkumpanja l-Banda Victory tax-Xagħra.
Fit-8.00pm L-aħħar quddiesa fil-Bażilika.
Stedina għat-Talba tar-Rużarju – Mons. Isqof Mario Grech
Min minna ma jitgħaxxaqx b’dan iż-żmien tar-rebbiegħa? Il-fjuri bl-ilwien u l-fwejjaħ tagħhom jawguraw ħajja ġdida! Ir-raġġi sbieħ tax-xemx jistednuna niftħu t-twieqi ta’ djarna biex tinbidel l-arja xi ftit immuffata li tkun inġemgħet bl-għeluq tax-xitwa!
Kieku din ir-rebbiegħa nixtiequha wkoll f’oqsma oħra, bħal fil-każ tal-familja, tax-xjenza, tal-kultura u tal-politika. Imma qed niktbilkom din in-nota biex nagħti leħen lil dawk li jixtiequ jaraw ir-rebbiegħa fil-ħajja Kristjana. Għandna bżonn niftħu t-twieqi ta’ qalbna biex inħallu l-imħabba ta’ Kristu ssuqna. Huwa urġenti li niftħu t-twieqi tal-komunitajiet Insara, bħalma huma l-komunità ċkejkna tal-familja, il-komunitajiet reliġjużi u l-komunitajiet parrokkjali tagħna, biex inħallu r-riħ li ġab Kristu Rxoxt itajjar ir-riħa tal-għeluq li xi kultant qiegħda tifgana.
Għax meta r-Rużarju jingħad bil-ġabra, aħna nirriflettu fuq id-diversi tappi tal-ħajja ta’ Ġesù u nintebħu kemm hu jħobbna. Meta naħsbu fuq il-Misteri tal-Ferħ, tad-Dawl, tat-Tbatija u tal-Glorja, flimkien ma’ Marija Ommu, aħna ndawru qalbna lejn il-misteru ta’ Ġesù. Hekk naslu biex inpoġġu lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, tal-familja tagħna, ta’ raħalna u ta’ beltna, biex dawn ikomplu jwarrdu!
Nhar l-Erbgħa li ġejja nerġgħu nibdew id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna. Hu ta’ konsolazzjoni kbira għalija li matul dawn l-Erbgħat nara tant pellegrini jżuru s-Santwarju Marjan tagħna, partikularment is-Santwarju Ta’ Pinu. Kif għamilt f’dawn l-aħħar snin, anki din is-sena qed nieħu l-impenn li, issa li ser jibdew l-Erbgħat tal-Madonna, kull nhar ta’ Erbgħa, fit-8.30pm inkun fis-Santwarju Ta’ Pinu biex nitlob ir-Rużarju mal-familji tagħna. Filwaqt li nirrikkmanda li din id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna tibqa’ tiġi mħarsa, nistedinkom biex filgħaxija ninġabru nitolbu r-Rużarju flimkien.
Festa ta’ San Ġorġ Preca
Nhar it-Tnejn 7 ta’ Mejju 2012 fil-quddiesa tas-7.00pm se jitfakkar San Ġorġ Preca. Għalhekk, it-tfal kollha subien u bniet huma mistiedna għal din il-quddiesa minflok il-lezzjoni tal-katekiżmu. L-Erbgħa 9 ta’ Mejju, fil-festa liturġika tiegħu, ser isir Pellegrinaġġ Djoċesan lejn il-Blata-il-Bajda fejn hemm il-fdalijiet tiegħu. Iqaddes l-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca. Tluq mal-vapur tal-4.30pm. Biljetti jinkisbu minn għand il-membri tal-M.U.S.E.U.M. jew mill-Uffiċċju Parrokkjali.
Madonna ta’ Pompei
Nhar it-Tlieta, 8 ta’ Mejju hija il-festa tal-Madonna ta’ Pompei. Fil-11.00am ikollna quddiesa fil-Bażilika u wara, titmexxa s-Supplika tal-Madonna ta’ Pompei.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- Rożaria Camilleri u wliedha joffru €20 b’suffraġju ta’ Ġanni u l-familja Camilleri.
- Vicky Cini toffri €15 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Lorenzo u Ġanna Xerri.
- Victoria Sultana toffri €10 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Alfred Sultana u missierha Toni Buttigieg.
