
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
30-9-2012
ILLUM KULĦADD GĦAN-NAZZARENU
Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, ser isir il-ftuħ Djoċesan tas-Sena tal-Fidi. Din hi s-sena tant mixtieqa u mitluba mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI. Kull familja tal-Parroċċa, illum għandha tkun rappreżentata biex tisma’ l-Kelma tar-Ragħaj Spiritwali, waqt li bil-ġabra u bil-fidi nimxu fil-Purċissjoni Ewkaristika. Kull dar għandha żżejjen bi drappijiet/qsari u fjuri, u jekk it-temp jippermetti ntellgħu l-bnadar.
Programm:
8.00am: Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija minn Monsinjur Isqof Mario Grech flimkien mal-Kapitlu u l-Kleru tal-Parroċċa.
1.00pm – 4.30pm: Adorazzjoni.
5.00pm: Ftuħ Djoċesan tas-Sena tal-Fidi mħabbra mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI li tibda fil-11 t’Ottubru 2012. Ġesù Ewkaristija jitwassal proċessjonalment fiċ-Ċentru tal-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja. Issir il-Liturġija tal-Kelma segwita b’messaġġ ta’ Monsinjur Isqof Mario Grech u nimxu proċessjonalment wara Ġesù Ewkaristija. Takkumpanja l-purċissjoni l-Banda Victory b’innijiet ewkaristiċi, u wara, tingħata l-Barka Sagramentali.
Ottubru x-Xahar tar-Rużarju
Inħeġġu lill-familji kollha sabiex matul ix-xahar t’Ottubru ngħidu aktar mis-soltu t-talba tar-Rużarju Mqaddes. Nhar il-Ħadd li ġej, 7 t’Ottubru, fil-5.00pm issir Konċelebrazzjoni bil-prietka mmexxija mill-Isqof Koadjutur tad-Djoċesi ta’ Garissa fil-Kenya, l-E.T. Monsinjur Joseph Alessandro OFM Kapp, u wara, purċissjoni bl-istatwa devota tal-Madonna tar-Rużarju. Il-ġabra li ser issir f’din il-quddiesa tkun għall-Missjoni ta’ Garissa. Ma ninsewx li l-parroċċa tagħna hija ġemellata mad-Djoċesi ta’ Garissa fil-Missjoni.
Laqgħat ta’ “Mixja Tħejjija għaż-Zwieġ” ġewwa Malta
Il-laqgħat ser ikunu darba kull ħmistax, nhar ta’ Ħamis, fis-7.30pm. L-ewwel laqgħa ser tkun nhar il-Ħamis, 4 t’Ottubru fiċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja (Dar ta’ San Ġużepp), Triq il-Kbira, Santa Venera Malta. Infakkru li l-għarajjes li ser jattendu għal-laqgħat ġewwa Malta, għax ma jistgħux jagħmlu l-Mixja fil-parroċċa tagħhom, jimlew l-applikazzjoni bħall-għarajjes l-oħra u fuqha jniżżlu nota li jixtiequ jattendu għal-laqgħat Malta. Importanti li l-applikazzjonijiet għal-laqgħat f’Malta jitwasslu lil Dun Anton Teuma, il-Kurja, sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Settembru.
Għażiż Arċipriet,
Nixtieq nirringrazzja lilek, lis-seminarista Joseph Hili u lill-komunità kollha tax-Xagħra għall-inizjattiva tal-proġett tat-tiġieġ biex ngħinu diversi familji foqra fiz-zona tagħna. Is-somma miġbura kienet ta’ €4,460. Dan il-proġett ser ikun inċentiv biex fuq 70 familja jkollhom opportunità li jrabbu lil uliedhom b’mod aħjar u jitjieb il-livell tal-għajxien. Jien inkompli ninfurmakom bil-progress tal-proġett. Grazzi ħafna mill-ġdid tal-għajnuna kbira tagħkom u jien inwegħedkom it-talb tiegħi.
Fr. Anton Grech
Dear Father,
Thank you so much for the beautiful, meaningful wedding ceremony. It was our privilege to have the sacrament of marriage performed at such a special church. We appreciate all the work and time you spent making this happen. God Bless.
Joe & Donna
Tagħrif Importanti
- Laqgħa Mportanti għall-Katekisti: Għada t-Tnejn fil-5.30pm, ser issir laqgħa mportanti għall-katekisti kollha fil-ftuħ tas-Sena tad-Duttrina, flimkien mal-Arċipriet.
- Quddiesa fil-Ftuħ tad-Duttrina: Nhar it-Tlieta li ġejja, 2 t’Ottubru, fil-5.00pm, fil-Knisja Bażilika ser issir l-quddiesa li biha niftħu s-Sena Kateketika għat-tfal.
- Welcome Yr1: Il-ġenituri tat-tfal tal-Yr1 ser ikollhom laqgħa għalihom nhar l-Erbgħa 3 t’Ottubru fl-Oratorju ral-Passjoni. F’din il-laqgħa tingħata merħba u jsir it-tqassim tat-tfal fid-diversi klassijiet li jsiru fl-Azzjoni Kattolika tal-Bniet.
- Adorazzjoni tal-Ħamis: Ejjew sabiex nitolbu għall-vokazzjonijiet kull nhar ta’ Ħamis fis-7.30pm, fejn Ġesù Ewkaristija jistenniena għal din il-laqgħa tagħna miegħu.
- L-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar: Inħeġġu sabiex tinżamm id-devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-Ħamis u l-Ġimgħa nersqu għall-Qrar u għat-Tqarbin. Fl-iskola tagħna, it-tfal jingħataw dan is-servizz. Ikollna Jum ta’ Adorazzjoni Ġesù Espost.
Lapidi fuq l-Oqbra
Iċ-Ċimiterju tagħna, wieħed mill-isbaħ tal-gżira qed ikompli jisbieħ b’lapidi u monumenti. Infakkru li kull qabar li jinkesa bl-irħam irid permess speċjali mill-Uffiċċju Parrokkjali. Dawk li jixtiequ jagħmlu xi lapidi ma jinsewx iwasslu d-disinn bil-qisien, biex niksbu l-permessi mitluba mill-Kumissjoni Arti Sagra. Nixtiequ li jkollna qabar! Dawk in-nies li jixtiequ li jkollhom qabar fiċ-Ċimiterju tagħna, ifittxu japplikaw. Il-kuntratti li jmiss ser isiru fil-Kurja tal-Isqof. Dettalji ’l quddiem.
