
BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
7-10-2012
TIFTAĦ IS-SENA TAL-FIDI
Bejn Ottubru ta’ din is-sena u Novembru tas-sena d-dieħla, ser ikollna s-sena tal-Fidi. Naturalment il-Fidi rridu ngħixuha tul ħajjitna kollha. Imma l-Papa Benedittu XVI nieda din is-sena biex jerġa’ jkebbes in-nar tal-Fidi, kemm f’dawk li abbandunawha, kif ukoll f’dawk li jgħixuha u kultant jaqgħu fil-bruda. Madwarna diżgrazzjatament naraw wisq nuqqas tal-Fidi: ħafna u mhux żgħażagħ biss qatgħu milli jattendu l-knisja u tbiegħdu mis-sagramenti. Insew meta tqarbnu l-aħħar, u t-talb sparixxa minn ħajjithom. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (Qrar) insewh għal kollox u waqgħu fi bruda l-aktar kbira.
Mhux ta’ b’xejn li l-Papa qed jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Mhux ta’ b’xejn li l-Papa qed jinsisti biex induru għat-tagħlim tal-Katekiżmu tal-Knisja.
“Ejjew nidħlu mill-Bieb”: Matul din is-sena, irridu ngħaddu mill-Bieb tal-Formazzjoni. Qed noffru programm speċjali ta’ evanġelizzazzjoni għal din is-Sena tal-Fidi.
KATEKEŻI GĦALL-POPLU KOLLU
a) Kull Tieni Ħamis tax-Xahar ser issir katekeżi popolari għan-nies kollha. Ser niltaqgħu fil-Bażilika, ir-Ragħaj u l-merħla għall-prietki u katekeżi tas-Sena tal-Fidi. M’għandha ssir l-ebda attività jew laqgħa oħra f’dan il-jum sabiex nagħtu mportanza lil din il-katekeżi u nattendu bi ħġarna.
b) Katekeżi għall-Familja u koppji miżżewġa:
- L-ewwel Sibt tax-xahar: laqgħa għall-animaturi tal-koppji.
- It-tieni u r-Raba’ Sibt tax-xahar: Kull ħmistax laqgħa ta’ katekeżi għall-adulti. Formazzjoni għall-familja.
- It-Tielet Sibt tax-xahar: Laqgħa għall-koppji li żżewġu f’dawn l-aħħar 7 snin. Din il-laqgħa hi parti mill-Pjan Pastorali Djoċesan.
c) Kummissjoni Żgħażagħ: Twaqqfet il-Kummissjoni Żgħażagħ Xagħrin bl-iskop li tikkoordina l-ħidma tad-diversi gruppi taż-żgħażagħ u tal-Adoloxxenti.
d) Adorazzjoni Ewkaristika: Appell qawwi sabiex ikollna aktar aduraturi li matul is-Sena tal-Fidi jgħaddu ftit ħin f’riġlejn Ġesù Ewkaristija.
Festa tal-Madonna tar-Rużarju
Illum fil-5.00pm, fil-Kniskja Bażilika, ikollna Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Koadjutur ta’ Garissa, l-E.T. Monsinjur Joseph Alessandro OFM Kapp. Ikanta l-Kor “Voci Angeliche”. Wara l-prietka, jingħata l-mandat lill-Katekisti. Wara, toħroġ il-purċissjoni li tgħaddi minn Triq 28 t’April, San Ġużepp u Triq Knisja. Tħallux karrozzi pparkjati fit-toroq minn fejn tgħaddi l-purċissjoni.
Ġemellaġġ : Xagħra-Garissa
Illum għall-Festa tal-Madonna tar-Rużarju ser ikollna magħna lill-E.T. Monsinjur Pawlu Darmanin OFM Kapp li ta bidu għal dan il-ġemellaġġ. Illum waqt il-quddiesa tal-5.00pm ser issir Ġabra Speċjali għall-Missjoni ta’ Garissa. Inkunu Ġenerużi.
Tagħlim tal-Mużika: Banda Victory
Is-Soċjetà Victory tfakkar li ser jibda kors ġdid ta’ tagħlim tal-mużika fil-każin. Tfal u anke adulti li jixtiequ jibdew jitgħallmu l-mużika għandhom jinkitbu nhar it-Tnejn 8 t’Ottubru fit-8.00pm fil-każin jew iċemplu fuq: 2155 6835/2155 7871/7993 2272. Is-Soċjetà tipprovdi tagħlim u strumenti b’xejn lill-aljievi.
Festa Ġesù Nazzarenu: Inroddu ħajr lil Alla u lilkom għall-festa tant sabiħa u devota lil Ġesù Ewkaristija. Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-Ftuħ Djoċesan tas-Sena tal-Fidi, għal din is-sena ma kienx possibli s-sehem tal-Banda Victory.
Madonna ta’ Fatima
Nhar is-Sibt li ġej, 13 t’Ottubru taħbat is-Sitt u l-aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima. Għalhekk fil-Knisja ta’ Ħamet, fil-5.00pm tibda l-Adorazzjoni, fis-5.30pm Rużarju Meditat u fis-6.00pm quddiesa bil-prietka, u wara, pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima. Fil-Knisja Bażilika tagħna, issir il-Ġimgħa 12 t’Ottubru fis-7.00pm. Il-quddiesa tkun bil-prietka dwar id-Dehra ta’ Fatima.
Kors ta’ Kana
Il-Moviment Ta’ Kana ser jorganizza korsijiet “Tħejjija għaz-Żwieġ” fiċ-Ċentru tal-Moviment fir-Rabat. Kors ser jibda nhar il-Ġimgħa 19 t’Ottubru fis-7.30pm. Kors ieħor ser jibda s-Sibt 20 t’Ottubru fis-7.30pm, u kors ieħor jibda l-Ħadd 21 t’Ottubru fit-8.45am. Dawk kollha li huma interessati għandhom imorru ċ-Ċentru ta’ Kana, biex jinkitbu u jagħżlu l-ġurnata tal-kors li jixtiequ jattendu.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- Ġanna Attard u bintha Rita Cassar joffru €10 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierha Fortunatu Attard.
- Ġużepp Bajada u wliedu joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża martu u ommhom Michelina Bajada.
- Jimmy u Vicky Muscat u wliedhom joffru €15 b’suffraġju tal-għażiż binhom u ħuhom Oliver Muscat, u missier Jimmy, Carmelo Muscat.
