BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
3-06-2012
ILLUM MARK BONELLO “SAĊERDOT għal DEJJEM”
Fil-Knisja Katidrali, illum fis-6.00pm, l-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech jagħti l-Ordinazzjoni Presbiterali lid-Djakni Mark Bonello (Xagħra) u lid-Djaknu Daniel Grech (Kerċem). Inroddu ħajr lil Alla u nifirħu mal-familja Bonello. Nistiednukom sabiex tkunu preżenti bi ħġarkom għal din il-“ġrajja unika” għal dawn iż-żgħażagħ u għall-Knisja.
Appell Vokazzjonijiet: Il-grazzja tal-Ordinazzjoni għandha tnissel fil-qalb ta’ ħafna ġenituri x-xewqa li wliedhom jingħataw lil Ġesù bħala persuni kkonsagrati, reliġjużi, missjunarji jew saċerdoti. Il-ġenituri tal-abbatini għandhom ikunu minn tal-ewwel li jattendu.
L-Ewwel Quddiesa fix-Xagħra, Dun Mark Bonello ser iqaddisha nhar it-Tnejn 4 ta’ Ġunju 2012 fis-7.30pm.
AD MOLTOS ANNOS
L-Ewwel Tqarbina
Din tal-Ewwel Tqarbina mgħandhiex tkun tal-aħħar….napprezzaw il-quddiesa ta’ kuljum. Ġenituri araw li intom issibu ħin għall-quddiesa u tirċievu lil Ġesù ma’ wliedkom. Nifirħu fil-ġurnata tal-lum il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, li fiha t-tfal ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina f’qalbhom. L-Arċipriet Monsinjur Carmelo Refalo jmexxi l-Konċelebrazzjoni fil-11.00am.
Nhar il-Ħadd li ġej niċċelebraw il-Festa tal-Korpus
Is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej tħeġġiġna sabiex nhar il-Ħadd li ġej nakkumpanjaw lil Ġesù waqt il-Purċissjoni Ewkaristika, li tgħaddi minn Triq Jannar, Bullara, Spiera u Pjazza. It-tfal tal-Ewwel Tqarbina u l-istudenti tal-Griżma tal-Isqof għandhom jattendu għall-quddiesa tat-8.30am, u wara, jieħdu sehem fil-Purċissjoni Ewkaristika. Il-quddiesa tal-9.45am ma ssirx minħabba l-purċissjoni. Nikkoperaw mal-pulizija u nfakkru lil xulxin sabiex ma nħallux karrozzi pparkjati fit-toroq minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Żejnu bi qsari, drappijiet u fjuri b’rispett lejn Ġesù Ewkaristija.
Ġunju…..ix-Xahar tal-Qalb ta’ Ġesù
L-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, din is-sena taħbat fil-bidu tax-xahar iddedikat lill-Qalb ta’ Ġesù, li huwa x-xahar ta’ Ġunju. Tajjeb li ħafna nies jagħmlu proponiment li jqerru u jitqarbnu kull l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar (għal disa’ darbiet). Din hi wegħda ta’ mħabba li aħna għandna nżommu b’riparazzjoni għall-offiżi li tirċievi l-Qalb ta’ Ġesù.
Banners Ġodda għall-Knisja
Fin-Novena tal-Ispirtu s-Santu, iżżażnu fil-knisja sett ta’ żewġ Banners marbuta mal-festa ta’ Pentekoste li tħallsu mill-familja Licari (Malta) u mill-familja Mizzi , b’tifkira tal-Griżma tal-Isqof ta’ wliedhom.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Rita Attard u bintha Riona joffru €10 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierha Ġiġi Attard.
