Bullettin
Parroċċa Marija Bambina
Xagħra – Għawdex
29-07-2012
DEĊENZA FL-ILBIES: MORNA L-BAĦAR!?
Meta qegħdin fil-qalba tas-sajf 2012, tajjeb li nagħmlu riflessjoni serja dwar x’qed jiġri fil-qalba tal-atteġjament tal-poplu tagħna, l-aktar għall-mod kif qegħdin nilbsu: L-istil tagħna juri l-egħmil tagħna. Is-siġra mill-frott tagħha turik! L-istil ta’ ħajja li kull ma jmur qed ipoġġi fil-ġenb lil Alla, qed imiss il-polz ta’ poplu li moralment u etikament qed imiss il-qiegħ. Biżżejjed tara l-istraġi fil-familji, ’l aktar fejn jidħol iż-żwieġ. Hemm imbagħad l-pjagi soċjali, bħal dawk tal-abbuż mil-alkoħol, mid-droga, tal-pornografija, tal-prostituzjoni, is-self tal-flus(użura) u pjagi oħra. Tassew li kif ngħidu “li tiżra taħsad”. L-ilbies sfaċċat, skandaluż u provokattiv li qed inġorru fuqna, mhux għajr messaġġ negattiv ta’ dekadenza soċjali u morali. Kollox sar bla kontroll u bla limiti! Illum li wasalna f’dan l-istat, x’nistgħu nagħmlu? Nistgħu aħna noqogħdu nilmentaw bla ma nagħmlu xejn?
Appell Qawwi! Din l-ittra tista tkun vuċi fid-deżert, però xorta waħda għandha skop li tmiss il-kuxjenza sabiex inżommu l-brejkijiet tal-kontroll, dixxiplina u limiti. Kull ġenitur għandu jara hu stess xi stil ta’ ħajja u lbies ser ixidd. It-tfal , żgħażagħ u adulti għandhom iġorru sens kbir ta’ modestja, u b’kuxjenza jilbsu suriet in-nies. Alla huwa offiż bil-mod kif qed inġibu ruħna u nilbsu. Gwaj għal min qed jagħti “skandlu” lil “wieħed minn dawn iċ-ċkejknin”. Nagħmlu sejħa għal ilbies xieraq fil-knisja, l-aktar waqt ċelebrazzjoni ta’ Griżma tal-Isqof, funerali, u tiġijiet. Ħafna jkunu qed jixtru l-libsa għall-festa. Ixtru lbies deċenti u onest għall-festa ta’ Dik il-Mara: Marija ta’ Nazaret li kienet tant sabiħa u safja.
Il-5 t’Awwissu
Il-Jum tad-Dedikazzjoni tal-Knisja ta’ Santa Maria Maggiore, liema Bażilika aħna bħala Parroċċa ninsabu affiljati magħha, ser tiġi ċċelebrata fil-Belt ta’ Ruma, nhar il-Ħadd 5 t’Awwissu. Għalhekk dawk kollha li jżuru l-bażilika tagħna, jistgħu jirbħu l-Indulġenza Plenarja, nhar is-Sibt li ġej filgħaxija u l-Ħadd filgħodu.
Inkomplu s-Sibtijiet tal-Bambina
Nhar is-Sibt, 4 t’Awwissu huwa d-Disa’ Sibt tal-Bambina. Fis-7.00pm reċita tar-Rużarju Mqaddes, u fis-7.30pm quddiesa bil-prietka mmexxija minn Dun Daniel Xerri, Rettur tas-Seminarju bis-sehem tal-familji li joqogħdu fit-toroq Bullara, Laurent Ropa, Ġużeppi Bajada, Spiera, Liberat Grech, Sansuna u Bertrija.
Kwindiċina ta’ Santa Marija
Nhar it-Tnejn 30 ta’ Lulju, nagħtu bidu għall-kwindiċina ta’ Santa Marija bi tħejjija għall-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mbierka. Nitħejjew fit-talb, u partikularment billi nisimgħu l-quddiesa ta’ kuljum u ngħidu din it-talba:
O Marija wisq grazzjuża,
Inti l-Omm l-iżjed glorjuża,
Inti l-Bint, inti l-Għarusa tal-Imqaddsa Trinità.
Mela lilek o Marija, aħna nagħtu kull foħrija,
Sabiex miegħek imhennija,
Niġu żgur fl-eternità.
Avviżi
- Camping għall-Abbatini: Matul dawn il-ġranet, f’Malta qed isir il-camping tas-sajf għall-abbatini. Dritt wara dawn il-ġranet, nagħtu bidu għal-laqgħat ta’ tfal mill-Year 3 u mill-Year 4 li nkitbu sabiex nippreparawhom bħala abbatini fil-Bażilika.
- Nagħmlu appell lil ħafna nies sabiex jagħtu daqqa t’id fit-tindif u fl-armar tal-Knisja Bażilika, li issa beda jintrama bil-mod il-mod.
- Għoti tad-Demm. Illum il-Ħadd, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mit-8.00am sas-1.00pm. Min hu f’saħħtu jista’ jagħmel att ta’ karità billi jmur jagħti d-demm f’dan iċ-ċentru, u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Carmela Muscat toffri €15 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Carmelo Muscat, n-neputi tagħha Oliver Muscat u l-erwieħ tal-familja tagħha u ta’ żewġha.