BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
22-07-2012
IS-SENA TAL-FIDI….NERĠGĦU NISKOPRU ̓L ALLA F’ĦAJJITNA
L-Arċisqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, fakkar dak li kien diġa’ qal il-Papa Benedittu XVI, fl-Ittra Appostolika Porta Fidei dwar il-bżonn li nerġgħu niskopru mill-ġdid il-vjaġġ ta’ Fidi sabiex aktar niddawwlu bil-ferħ u bl-entużjażmu mġedded tal-laqgħa tagħna ma’ Kristu.
L-iskop tas-Sena tal-Fidi huwa qabel kollox, li ssaħħaħ il-Fidi ta’ dawk li jemmnu, sabiex fil-provi kollha tal-ħajja ta’ kuljum, qatt ma jonqsu jafdaw ħajjithom bil-kuraġġ u l-konvinzjoni fil-Mulej Ġesù. Ix-xhieda prezzjuża tagħhom ma tissemmiex fl-aħbarijiet, imma hija dik li biha l-Knisja tista’ tippreżenta ruħha lid-dinja tal-lum, kif dejjem għamlet fl-imgħoddi, sostnuta mill-qawwa tal-Fidi u mill-entużjażmu tal-popolin.
Din is-Sena tal-Fidi, ser issir fil-kuntest aktar wiesa’ kkaratterizzat minn kriżi ġenerali li tmiss ukoll il-Fidi. Il-kriżi tal-Fidi tfisser, li l-bniedem tħalla għal riħu fil-proġetti tiegħu. Minn hawn ġej il-bżonn li nirbħu l-faqar spiritwali li qed jaffettwa lil tant nies ta’ żmienna, li ma għadhomx jilmħu aktar l-assenza ta’ Alla minn ħajjithom, bħala vojt li għandu jimtela. Is-Sena tal-Fidi hija opportunità li l-komunità nisranija qed toffri lil tant nies li jħossu nostalġija għal Alla u li jixtiequ li jerġgħu jiskopruH mill-ġdid.
Il-programm tal-attivitajiet li ser isiru matul is-Sena tal-Fidi għandu x’jaqsam mal-ħajja ta’ kuljum u mal-kura pastorali tal-komunità nisranja. Dan sabiex inkunu nistgħu niskopru mill-ġdid l-ispirtu ġenwin missjunarju li neħtieġu biex nagħtu ħajja lill-evanġelizzazzjoni ġdida. F’din is-sena ser tingħata prijorità lit-talb, speċjalment lill-Ewkaristija bħala l-għajn, u l-quċċata tal-ħajja nisranija kollha. Is-Sena tal-Fidi se tiftaħ fil-11 t’Ottubru b’konċelebrazjoni Ewkaristika solenni mill-Isqfijiet tas-Sinodu, il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali u l-Isqfijiet li kienu ħadu sehem fil-Konċilju II, li għadhom ħajjin.
Inkomplu s-Sibtijiet tal-Bambina
Nhar is-Sibt, 28 ta’ Lulju huwa t-Tmien Sibt tal-Bambina. Fis-7.00pm reċita tar-Rużarju Mqaddes, u fis-7.30pm quddiesa bil-prietka mmexxija minn Patri Michael Attard OFM Conv. bis-sehem tal-familji li joqgħodu fit-toroq Arċp. Ġużeppi Diacono, Jannar, Għar ta’ Ninu, Pjazza u Vjal 8 ta’ Settembru.
AVVIŻI
- Adorazzjoni: L-Adorazzjoni ta’ filgħodu qed issir fl-Oratorju tal-Passjoni, peress li bħalissa qed isir it-tfarfir taċ-ċinet u l-ħasil u tindif tal-pilastri tal-irħam. Għinu lis-sagristani.
- Klabb tas-Sajf: Waqt li l-andament tal-Klabb tas-Sajf jibqa’ sejjer b’ritmu sabiħ, nhar it-Tlieta ser norganizzaw ħarġa għal Malta, fejn fost oħrajn, it-tfal tagħna ser iżuru l-“Water Park”, it-Torri tal-Kontroll u ċ-Ċentru tal-Avjazzjoni. Il-ġurnata tibda b’quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. It-tfal u l-istudenti jġibu magħhom it-T-Shirt tal-Klabb u l-beritta.
- Abbatini…Summer Camp: Wasal iż-żmien sabiex numru sabiħ ta’ abbatini jgawdu jiem tal-Kamp tas-Sajf 2012. Ħaġa bħal din titlob impenn mhux żgħir, però dejjem hija esperjenza li l-istudenti tagħna jkunu tant jistennew. Infakkru, li dritt wara l-camping, jibdew il-laqgħat ta’ preparazzjoni għall-abbatini l-ġodda.
- Nibżgħu għas-siġġijiet, u nżommu l-indafa. Neħtieġu nies voluntiera li jgħinu fit-tindif tal-knisja kull nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Sibt filgħodu.
- Festa ta’ Sant’Anna: Nhar il-Ħamis 26 ta’ Lulju, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’Anna fid-Dwejra, ser issir konċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech, li għaliha huwa mistieden kulħadd, speċjalment in-nannniet.
- San Ġorġ Preca: Fl-Okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt ta’ San Ġorġ Preca, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Lulju, l-E.T.Monsinjur Isqof Mario Grech ser jikkonċelebra quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fis-6.30pm. Il-pubbliku huwa mistieden biex jattendi.
