
BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
14-10-2012
IS-SENA TAL-FIDI
Nhar il-Ħamis, 11 t’Ottubru, il-Papa Benedittu XVI nieda s-Sena tal-Fidi fit-tifkira tal-50 anniversarju mill-bidu tal-Konċilju Vatikan II, u l-20 sena mill-pubblikazzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Il-programm ta’ attivitajiet imħejjija mill-Knisja lokali għandu l-iskop li niskopru mill-ġdid il-Fidi tagħna. Stedina miftuħa għall-insara prattikanti, biex filwaqt li jiskopru mill-ġdid il-Fidi, iwasslu l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn. L-isfida quddiemna hi d-deċisjoni li biha ngħaddu minn tradizzjoni u konvenjenza għal Fidi konxja u konvinta. Il-Knisja lokali qed timpenja ruħha f’evanġelizzazzjoni ġdida biex kull persuna tiskopri mill-ġdid il-ferħ tal-Fidi u l-entużjażmu li tikkomunikaha lill-oħrajn.
“Mixja ta’ Fidi” sabiex ngħaddu mill-“Bieb tal-Fidi”.
Kif ser nagħmlu? Il-Kunsill Parrokkjali li ltaqa’ nhar it-Tlieta 9 t’Ottubru 2012, ipprogramma b’mod prattiku kif il-Parroċċa tax-Xagħra ser taħdem dwar ħames punti misluta miċ-ċirkulari tal-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech għas-Sena tal-Fidi.
A) Is-Sagrament tal-Magħmudija: Katekeżi għall-ġenituri u għall-parrinijiet bi tħejjija għas-Sagrament tal-Magħmudija.
B) Katekeżi għall-Adulti: Katekeżi għall-poplu kull tieni Ħamis tax-xahar fil-Bażilika fis-7.30pm.
Katekeżi Familja: Koppji kull 2 u 4 Sibt tax-xahar fil-M.U.S.E.U.M. tas-Subien fit-8.00pm.
Dawk li żżewġu dawn l-aħħar 7 snin: Mixja ta’ Fidi kull 3 Sibt fil-M.U.S.E.U.M. tas-Subien fis-7.30pm.
C) Il-Kultura: Pubblikazzjonijiet Storiċi / Kalendarju. Kunċerti Mużikali Milied / Għid / San Ġużepp. Wirja Sagra.
D) Formazzjoni Saċerdoti: Kull l-Ewwel Tnejn tax-Xahar. Irtiri – mumenti rikreattivi.
E) L-importanza tal-Adorazzjoni Ewkaristika.
Evanġelizzazzjoni Ġdida
Matul dan ix-xahar il-Papa Benedittu XVI stedinna nitolbu sabiex l-evanġelizzazzjoni l-ġdida timxi ’l quddiem fil-pajjiżi bi tradizzjoni antika nisranija. Nitolbu għall-Isqof tagħna Monsinjur Mario Grech li qed jieħu sehem f’dan is-Sinodu. L-impenn tagħna għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida huwa dak li nsaħħu l-gruppi ż-żgħar, il-komunitajiet u gruppi fejn issir katekeżi regulari u sistematika. Nagħtu l-importanza lill-prietka fil-quddiesa tal-Ħadd, flimkien mat-talb u mal-formazzjoni fil-familja.
Ottubru Missjunarju
Nhar il-Ħadd li ġej, il-Knisja Universali tiftakar fil-Missjonijiet. Huwa d-dmir tagħna lkoll sabiex nuru l-imħabba tagħna lejn il-Missjoni u lejn il-Missjunarji. Bi tħejjija għal din il-ġurnata, nhar il-Ħamis li ġej, fis-7.30pm ikollna Adorazzjoni Solenni b’talb għall-Missjonijiet.
L-Envelopes tal-Missjoni: Dan hu l-envelope li għandu jkun il-karus li fih kull membru tal-familja, saħansitra t-tfal jagħtu sehemhom billi jpoġġu xi flus għall-Missjoni. Il-ġbir kollu li jsir fil-quddies ta’ nhar il-Ħadd li ġej imur għall-Missjonijiet.
Grazzi mill-Isqof il-Ġdid ta’ Garissa
L-E.T. Monsinjur Joseph Alessandro OFM Kapp, Isqof Koadjutur ta’ Garissa, irodd ħajr lill-poplu kollu tax-Xagħra għal-laqgħa kbira li tah fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju, u għall-ġabra sabiħa li l-poplu għamel b’risq il-Missjoni ta’ Garissa.
Il-quddiesa kateketika għat-tfal ser tkun għada t-Tnejn fis-7.00pm fil-bażilika. It-tfal kollha huma fid-dmir li jattendu.
Għoti tad-Demm
Nhar il-Ħadd 21 ta’ Ottubru ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuh għall-kumdita’ ta’ min jixtieq jagħti d-demm, partikularment għal dawk li ma jisbux ħin biex jagħtu fil-jiem ta’ matul il-ġimgħa. Il-ħin għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:00am sas-1:00pm. Il-pubbliku hu mħeġġeġ biex ikompli jikkonkorri jagħti d-demm u hekk jiġi offrut serħan il-moħħ lil tant pazjenti rikoverati fl-isptarijiet tal-Gżejjer tagħna. Importanti li kull min jitħajjar jagħti d-demm jieħu miegħu l-Karta tal-Identita’.
