BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
19-8-2012
WASLET IL-FESTA TAL-BAMBINA 2012
Qed jasal fi djarkom programm dettaljat tal-Festa tal-Bambina. Kulħadd ikun qed jistenna dan il-mument hekk kif joqrob ix-xahar ta’ Settembru. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jagħmel mill-Festa tal-Bambina okkażjoni ta’ grazzja. Din is-sena kull filgħodu, ser ikollna Novena kbira u sabiħa għat-tfal u l-adoloxxenti. Filgħaxija, in-Novena tgħinna sabiex niftħu sena Pastorali Ġdida fil-Parroċċa. Aqraw sewwa l-programm u poġġuh f’post fejn tistgħu ssegwuh. Nattendu bi ħġarna.
Ħruġ tal-Istatwa Devota tal-Bambina
Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, ser isir il-ħruġ tal-Istawa tal-Bambina min-niċċa tagħha, nhar il-Ħadd li ġej. Issir l-aħħar ġabra kbira għall-festa.
Attenti għall-Programm: Quddies filgħodu: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am, 11.00am, u wara nofs in-nhar fl-4.30pm u fis-6.00pm. Ħudu nota tal-quddiesa tal-9.45am mhux ser issir, waqt li dik tal-5.30pm toħroġ fl-4.30pm. It-tfal u l-istudenti għandhom jinġabru għall-quddiesa tat-8.30am.
Bukketti għall-Bambina
Tixtieq toffri bukkett ward sabiħ għall-Birthday tal-Bambina? Intom tafu sewwa kemm il-Knisja Bażilika u s-Santwarju tal-Bambina tkun imżejjna sabiħ bl-aħjar fjuri għall-jiem tal-festa. Dawk in-nies li qalgħu xi grazzja, għamlu xi wegħda, jew jixtiequ joffru Bukkett Fjuri, jagħmlu dan fl-Uffiċċju Parrokkjali sabiex inkunu nistgħu nordnaw il-fjuri. Bukkett kbir €50 u Bukkett żgħir €30.
L-Aħħar Sibt : It-Tnax- il Sibt tal-Bambina
Nhar is-Sibt, 25 t’Awwissu huwa t-Tnax u l-aħħar Sibt tal-Bambina. Fis-7.00pm reċita tar-Rużarju Mqaddes, u fis-7.30pm quddiesa bil-prietka mmexxija mill-Arċipriet Monsinjur Carmelo Refalo, bis-sehem tal-familji li joqogħdu fit-toroq tal-Qaċċa, Santa Verna, Sant’Anton u 28 t’April 1688.
Dun Mark Bonello…Saċerdot Ġdid
Nhar il-Ħadd li ġej, il-poplu tax-Xagħra, flimkien ma’ ħafna nies oħra jroddu ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdozju Kattoliku fil-persuna ta’ Fr. Mark Bonello. Is-saċerdot il-ġdid iwassal l-istedina tiegħu lil kulħadd, l-emigranti li hawn fostna, dawk kollha li jixtiequ jkunu preżenti, kif ukoll lil dawk li forsi bi żvista ma waslilhomx l-invit. Żommu l-appuntament tagħkom u titilfux l-okkażjoni li ġġibu lit-tfal jilqgħu lis-saċerdot waqt il-korteo u għall-quddiesa, u għat-tagħlim dwar is-saċerdozju.
Manifestazzjoni Marjana f’Marsalforn
Il-Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment Nadif ser issir nhar il-Ħamis 23 t’Awwissu f’Marsalforn. Il-pubbliku huwa mitlub li jsib postu bilqegħda fit-Triq il-Wied, fejn ikun hemm siġġijiet għal kulħadd. Fis-7.00pm tibda l-funzjoni b’Rużarju meditat. Wara, ikun hemm Konċelebrazzjoni animata, immexxija mill-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech. It-trasport jitlaq mill-Pjazza għan-Nazarenu fis-6.30pm.
Xi Tagħrif
- Sejħa lit-Tfal Kollha: Bejn it-Tnejn 20 u l-Ġimgħa 24 t’Awwissu, ser ikollna magħna katekisti żgħażagħ tal-M.U.S.E.U.M., li ser iwasslu messaġġ lit-tfal u l-istudenti subien u bniet, dritt wara l-quddiesa tat-8.30am fuq iz-zuntier tal-knisja.
- Ir-Raba’ Dehra tal-Madonna ta’ Fatima: Għada t-Tnejn, fil-Knisja ta’ Ħamet ser titfakkar ir-Raba’ Dehra ta’ Fatima. Fis-7.00pm Rużarju medita, fis-7.30pm quddies bil-prietka u wara, purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima. Fil-Bażilika tagħna titfakkar fil-quddiesa tas-7.30pm.
- L-Ikla tal-Festa: Is-Sibt, 1 ta’ Settembru, lejliet Jum l-Inkurunazzjoni ser issir l-Ikla Tradizzjonali tal-Festa tal-Bambina. Jeħtieġ li kull familja tkun rappreżentata. Inħeġġu lill-emigranti sabiex jattendu, Din hi l-attività marbuta mal-Fund Raising Group tal-Parroċċa.
Higher Education in Parish Nursing
L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (Malta), qed iniedi kors fil-Parish Nursing. Il-Kors hu miftuħ għal retired nurses u qualified nurses. Hemm il-possibiltà li għal applikanti Għawdxin, il-kors isir f’Għawdex stess, nhar ta’ Ġimgħa (darba kull ħmistax), bejn il-5.30pm u t-8.30pm. Dawk interessati jistgħu jakkwistaw kopji tal-prospectus u application form mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- Jimmy Muscat u l-familja joffru €15 b’suffraġju ta’ Toni Gatt.
- Carmela Caruana u wliedha joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom George Caruana.
