BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
26-08-2012
IX-XAGĦRA TIFRAĦ
SAĊERDOT TA’ KRISTU: DUN MARK BONELLO
Illum jiftħu l-festi li jfakkru t-Twelid tal-Verġni Marija! Illum ilkoll ser ngħidu grazzi b’radd il-ħajr lil Alla għad-don tas-saċerdozju. Xi grazzja kbira! X’don u x’misteru fis-sejħa saċerdotali! Illum il-qniepen idoqqu ferrieħa, qalbna tkanta u tfaħħar lil Alla, riġlejna jterqu sabiex nilqgħu lil dan il-Ministru t’Alla. Kieku nifhmu verament id-don t’Alla! Illum huwa jum ta’ talb għall-vokazzjonijiet sabiex “sid il-ħsad jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”. Fiż-żminijiet li qed ngħixu u fil-ġrajja tal-istorja tal-Knisja, kull okkażjoni, hi rigal doppju u miraklu. Noħorġu minn djarna nakkumpanjaw lil dan iż-żagħżugħ ikkonsagrat u midluk saċerdot għal dejjem. Illum inħarsu bl-“għajnejn tal-fidi” u nagħtu xhieda tal-imħabba u r-rispett tagħna lejn is-saċerdot.
Programm:
5.00pm: Il-Banda Victory takkumpanja lill-Qassis il-Ġdid, Dun Mark Bonello mid-dar tiegħu fi Vjal 8 ta’ Settembru sal-Knisja. Il-ġenituri, familjari u poplu, flimkien mas-saċerdoti, seminaristi u abbatini kbar, jimxu lejn il-Pjazza u l-Bażilika.
6.00pm: L-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Mark Bonello. Titkanta l-Quddiesa San Antonio b’erba’ vuċijiet tas-Surmast Nazzareno Refalo, bis-sehem tas-Solisti u l-Kor. Isir il-Bews tal-Idejn waqt il-kant tal-Antifona “Nativitas Tua”. Wara festin fil-Pjazza.
Nifirħu lill-ġenituri tas-Saċerdot Novell, Saviour u Lilly Bonello, flimkien ma’ oħt Fr. Mark, Sylvana u żewġha John Agius., in-nanna Ġanna Bonello, iż-żijiet , kuġini, familjari u ħbieb. Ejjew nifirħu u nroddu ħajr lil Alla u lill-Bambina.
Ħinijiet tal-quddies: 5.00am, 6.00am. 7.00am, 8.30am(quddiesa bis-sehem tat-tfal), 11.00am, 4.30pm u fis-6.00pm.
Ħruġ tal-Bambina min-Niċċa
Fl-9.45am: Ħruġ tal-Istatwa Nkurunata ta’ Marija Bambina min-niċċa tagħha fost kant u talb. Issir l-aħħar ġabra għall-festa tal-Bambina. Fil-quddies kollu tal-lum il-ġabra hija waħda speċjali u ser tmur għall-ispejjeż kbar tal-festa.
Velja ta’ Talb
Għada t-Tnejn, fit-8.00pm, Il-Komunità Parrokkjali kollha, tinġabar f’riġlejn Ġesù Ewkaristija fuq iz-zuntier tal-Knisja. Għal din il-Velja huma mistiedna s-saċerdoti u l-poplu tax-Xagħra kollu sabiex niftħu din il-festa f’riġlejn Ġesù Sagramentat. Mistiedna b’mod partikulari l-Kumitat Ċentrali tal-Festa, id-diversi Sotto-Kumitati u dawk kollha nvoluti fl-organizzazzjoni tal-Festa Titulari, flimkien mal-membri tal-għaqdiet kattoliċi.
Novena b’libsa Ġdida
Nhar it-Tlieta, 28 t’Awwissu, nagħtu bidu għan-Novena bi tħejjija għall-Festa tal-Bambina. Nistiednu lil kulħadd sabiex nagħżlu l-quddiesa tad-9.00am u dik tas-7.30pm. Inkunu fil-knisja nofs siegħa qabel, sabiex ngħidu t-talba tar-Rużarju. M’hemmx festa sabiħa mingħajr il-predikazzjoni fin-Novena. Ejjew u ġibu ħafna oħrajn magħkom. Qabel kull attività soċjali li ssir fil-pjazza, aħna għandna nkunu dejjem preżenti fil-knisja u nibqgħu fil-knisja sal-Barka Sagramentali. Ħadd m’għandu joqgħod jintelaq fil-pjazza meta fil-knisja jkunu qed isiru dawn il-funzjonijiet Qaddisa li jistgħu jħallu tant ġid fil-qalb tagħna.
Bukketti għall-Bambina
Tixtieq toffri bukkett ward sabiħ għall-Birthday tal-Bambina? Intom tafu sewwa kemm il-Knisja Bażilika u s-Santwarju tal-Bambina tkun imżejna sabiħ bl-aħjar fjuri għall-jiem tal-festa. Dawk in-nies li qalgħu xi grazzja, għamlu xi wegħda, jew jixtiequ joffru Bukkett Fjuri, jagħmlu dan fl-Uffiċċju Parrokkjali sabiex inkunu nistgħu nordnaw il-fjuri. Bukkett kbir €50 u Bukkett żgħir €30.
Tajjeb Tkun Taf
- Jum ta’ Qrar: Nhar is-Sibt, 1 ta’ Settembru huwa Jum ta’ Qrar bi tħejjija għat-2 ta’ Settembru, Jum l-Inkurunazzjoni. Ikollna konfessuri barranin għal-Qrar.
- Għoti tad-Demm. Illum il-Ħadd, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mit-8.00am sas-1.00pm. Min hu f’saħħtu jista’ jagħmel att ta’ karità billi jmur jagħti d-demm f’dan iċ-ċentru, u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.
Tħejjija għaż-Żwieġ
Fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja. Inħeġġu lil dawk l-għarajjes u namrati f’relazzjoni stabbli biex jattendu għal dawn il-laqgħat, anke jekk għadhom ma ddeċidewx id-data taż-żwieġ tagħhom. Għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat fil-parroċċa ser issir il-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja f’Malta–f’dan il-każ il-laqgħat ser jinżammu nhar ta’ Ħamis fis-7.30pm. L-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja jistgħu jinġabru minn issa mingħand il-kappillan/ arċipriet. Infakkru wkoll lil dawk l-għarajjes li diġa’ għamlu l-ewwel sena biex jieħdu ħsieb jikkonfermaw mal-kappillan/ arċipriet il-parteċipazzjoni tagħhom għat-tieni sena. Il-laqgħat isiru darba kull ħmistax-il ġurnata bejn Settembru u Mejju. Ta’ min ifakkar li dawk kollha li jixtiequ jiżżewgu fil-Knisja jeħtiġilhom itemmu dawn is-sentejn ta’ formazzjoni qabel ma’ jiċċelebraw is-Sagrament taż-Żwieġ.
