BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
15-07-2012
IR-RESTAWR TAL-BAŻILIKA
Il-Knisja bħad-dar, u ferm aktar, trid tieħu ħsiebha. Sena wara l-oħra proġetti kbar li jammontaw eluf kbar ta’ euro, qed jiġu mwetttqa u jitwasslu fi tmiemhom bi professjonalità kbira, u bis-saħħa tal-qalb ġeneruża tal-Poplu tax-Xagħra.
L-Altar u n-Navi ta’ San Lawrenz
Fil-ġranet li ġejjin ser jinkixef ix-xogħol ta’ restawr fil-kuppletta u fuq l-altar ta’ San Lawrenz Levita u Martri. Dan l-altar u din il-kuppletta qed iwasslu fit-tmiem ir-restawr ta’ ħames altari (prospettivi), il-kappella tal-Bambina, u l-ħames kuppletti. Ngħidu grazzi lill-benefatturi u lir-restawratur tal-pittura Manwel.
Induratura u Żebgħa
Il-Knisja Bażilika li kellha l-korsija u l-koppla bl-induratura, kellha n-navi li għal ħafna snin baqgħu mnażża mill-induratura. Sitt snin ilu, grazzi għall-ħidma kbira tal-induratur is-Sur Alan Cini ta bidu għal dan ix-xogħol ta’ nduratura bid-deheb 22 karat, u b’folja doppja. Ngħidu grazzi lill-helpers u l-grupp taż-żebgħa, li daħlu għal din il-biċċa xogħol kbira. Restawr u tindif professjonali li sar fuq l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, il-kapulavur ta’ statwa tal-injam, opra ta’ arti kbira.
Il-Kappella tas-Sagrament
F’din il-kappella li fiha issir l-Adorazzjoni tal-Ewkaristija kuljum, saru ġenukjaturi ġodda flimkien ma’ siġġijiet adatti għall-post. Inxtraw sett ta’ tapiti ġodda għall-altar tas-sagrament.
Il-Kampnari
Wara li sar ix-xogħol ta’ tikħil u restawr tal-kampnari minn barra, f’dawn l-aħħar xhur tajna bidu sabiex isir it-tikħil taż-żewġ kampnari tal-Bażilika minn ġewwa.
Il-Koppla
Reġa’ wasal iż-żmien li l-koppla nduruha bil-materjal meħtieġ minn barra. Dan il-kisi qed isir ukoll fuq il-bjut tal-knisja sabiex ma nitraskurawx li xi ilma jinfiltra u jkun ta’ dannu għall-pittura. A stitch in time save nine.
Il-Garigor għall-Bejt tal-Knisja
Grazzi għall-iskema tal-ħaddiema tal-“Community Work Trial”, u l-għajnuna tal-handy man tal-Bażilika, biex inġab fuq il-ġebla u l-fil it-taraġ tal-garigor li jwassal fuq il-bejt tal-knisja.
Sistema Ġdida ta’ “Sound” fil-Bażilika
Wasal iż-żmien li fil-Bażilika jkollna sistema professjonali ta’ sound system. Ix-xogħol ġie afdat f’idejn ditta rinomata. Issa, wara żmien ta’ prova, din is-sistema ser tiġi nstallata b’mod permanenti.
Pannelli Solari
Applikajna sabiex ikollna sussidju għal “Solar Panels” għall-knisja. Jiddispjaċini li l-MEPA ma tatx il-permessi tagħha sabiex dawn il-pannelli jiġu nstallati kif suġġerit mill-perit tagħna.
Tal-Karmnu
Għada t-Tnejn, 16 ta’ Lulju, hija l-festa devota tal-Madonna tal-Karmnu. Nagħmlu minn dan il-jum Marjan, jum ta’ talb sabiex ngħożżu l-Modestja fl-ilbies li nilbsu. Żuru l-Knisja ta’ Ħamet u nxerrdu d-devozzjoni tal-Labtu Mqaddes. Fis-7.00pm Rużarju meditat u fis-7.30 Konċellebrazzjoni mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Wara, joħroġ pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu.
Liturġija tal-Festa
Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju, ser isiru żewġ laqgħat importanti li fihom jiġu ppreparati l-liturġija marbuta maż-żewġ Noveni kbar ad unur ta’ Marija Bambina. Niltaqgħu fil-5.00pm għan-Novena tat-tfal, u fis-6.00pm għan-Novena tal-kbar. Niltaqgħu fid-Domus Curialis.
Gruppi Familji u Koppji Miżżewġa
Nhar it-Tlieta, 17 ta’ Lulju, fil-5.00pm ser isir laqgħa ta’ evalwazjoni u tħejjija tal-koppji miżżewġa għas-sena pastorali li jmiss. Koppji animaturi mitluba jattendu.
L-Aħħar Ftit Postijiet…Ejja Magħna
Il-ġita kbira fl-Italja speċjalment fl-art ta’ Padre Piju, il-Vatikan, Ruma, San Franġisk u Santa Rita, wasal biex jintela. Qed jinġabar id-depożitu ta’ dawk, li wara l-festa ser imorru flimkien mal-Arċipriet għal dan il-pellegrinaġġ kbir.
