BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
01-07-2012
IL-BAMBINA TIXĦET IL-BARKA TAGĦHA
L-eżerċizzju tal-ġabra bieb bieb għall-festa tal-Bambina, mhux daqstant xi eżerċizzju li joffri xi motivazzjonijiet speċjali! Però kull sena, nibqa’ sorpriż bl-imħabba speċjali tal-poplu tax-Xagħra lejn il-Bambina, f’ċirkustanzi xejn faċli u fi stadju ta’ kambjamenti soċjo-kulturali u reliġjużi fil-Knisja u fis-soċjetà. Wieħed jinduna kemm in-nies għandhom fiduċja fil-parroċċa u fuq kollox imħabba kbira lejn il-Bambina. Mhix il-pika jew ir-rivalità, lanqas xi fanatiżmu li jimbuttana niċċelebraw Jum it-Twelid tal-Bambina, imma prinċipalment l-imħabba lejn il-Madonna. Dan ikompli jimbuttana sabiex insaffu l-festa mill-elementi pagani u naħdmu għall-festa iktar spiritwali u matura.
Appell qawwi jmur lejn il-familji li ma sibniex id-dar, sabiex mill-aktar fis ifittxu lill-Arċipriet jew xi saċerdot u jwasslu offerta ġeneruża biex niġbru s-somma meħtieġa. Il-BAMBINA TBIEREK il-ġenerożità tagħkom.
Niċċelebraw il-Festi Reliġjużi Tagħna bid-Dinjità li Jixirqilhom
Wieħed ma jistax ma josservax, li f’dinja sekularizzata bħalma ngħixu fiha llum, li qed tagħmel minn kollox biex toħnoq u twarrab kull ħaġa li tmiss mas-sagru, f’pajjiżna l-festi reliġjużi baqgħu jiġu ċċelebrati b’ħeġġa u entużjażmu, u għadhom igawdu popolarità fost firxa kbira tal-popolazzjoni tagħna. Dan ħareġ ċar mir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li għadu kemm ġie ppubblikat dwar il-festi reliġjużi li saru fil-gżejjer tagħna s-sena l-oħra.
Il-Knisja, għalhekk, ma tistax ma tberikx dawn il-festi reliġjużi u ma tinsistix kemm tiflaħ biex jiġu eliminati l-elementi kollha li jistgħu jkunu ta’ ħsara għalihom. Fuq kollox tibqa’ tinsisti biex dawn jilħqu dejjem aktar l-iskop qaddis tagħhom u jkunu mezz ta’ għaqda u mhux ta’ firda fil-komunitajiet parrokkjali kollha.
Wieħed ma jistax ma jappellax biex kulħadd jifhem sew, li l-iskop ewlieni ta’ dawn il-festi reliġjużi, qabel kull konsiderazzjoni oħra, huwa dak li l-poplu nisrani jinġabar biex jiċċelebra l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, u biex jifhem aħjar ix-xhieda erojka ta’ qdusija ta’ tant qaddisin patruni, li għandhom ikunu l-mudell tal-ħajja nisranija ta’ dawk li jorganizzaw, jikkollaboraw, jiċċelebraw u jieħdu sehem f’dawn il-festi.
Nappellaw biex waqt li nibżgħu għall-festi tagħna, niċċelebraw il-festi reliġjużi tagħna bid-dinjità u s-serjetà li jixirqilhom. Huwa b’hekk biss, li dak li jkun, jista’ jmur għal kull parti tal-festa bil-familja u bit-tfal bla biża’, u kulħadd ikun jista’ jieħu pjaċir.
Abbatini Ġodda
Ser jibda kors ta’ formazzjoni għall-abbatini ġodda mill-parroċċa tagħna. Dawn l-abbatini jaqdu l-altar tal-Bażilika u jitħejjew sabiex jieħdu l-libsa fil-ġranet tal-Milied 2012. Tajjeb li jkollna studenti mill-Years 3, 4 u 5 u anke akbar li jibdew dan il-kors. Ġenituri, segwu lil uliedkom sabiex ikollkom xorti u grazzja li jaqdu l-altar bħala abbatini. Kellmu lill-Arċipriet, lil Joseph Bajada u lil Christian Mercieca.
Summer Club 2012
Sar popolari ħafna s-Summer Club tal-parroċċa tagħna, li din is-sena qed jidħol fis-7 edizzjoni tiegħu, u ser jibda nhar it-Tnejn 2 ta’ Lulju. Il-familji jafu li l-parroċċa tagħna tagħti dan is-servizz lilkom b’impenn u b’dedikazzjoni mhix żgħira, tant li l-eżekuzzjoni tal-aħħar fl-attività tal-palk, kant u żfin kienet ta’ livell ferm għoli. Inħeġġukom sabiex matul il-ġranet tas-sajf tibgħatu lil uliedkom għall-quddiesa tat-8.30am.
Avviżi
- Għoti tad-Demm. Illum il-Ħadd, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mit-8.00am sas-1.00pm. Min hu f’saħħtu jista’ jagħmel att ta’ karità billi jmur jagħti d-demm f’dan iċ-ċentru, u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità
- Nappella lil dawk li jixtiequ jirriklamaw fl-gazzetta “Ix-Xagħra” li ser toħroġ fil-festa tal-Bambina, jistgħu jmorru fl-Uffiċċju Parrokkjali għal aktar informazzjoni u nirringrazzjaw lil min diġa’ tana riklam.
- BBQ b’risq l-Armar tal-Festa. Is-Sibt 30 ta’ Ġunju ser isir BBQ fit-8.00pm fil-Villa Fiorita. Aħsbu għall-biljetti jew ċemplu 79701732. Ħeġġu lil xulxin biex tattendu.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Rose Muscat u wliedha joffru €10 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Joseph Muscat.
