BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
17-06-2012
IL-FESTA TAL-BAMBINA 2012
Beda l-istaġun tal-festi! Għaxar ġimgħat oħra, u l-parroċċa tagħna tidħol fil-ġranet tal-festa li tfakkar it-Twelid tal-Verġni Mbierka nhar it-8 ta’ Settembru. JUM NAZZJONALI. Il-kumitat ċentrali, ilu għal dawn l-aħħar xhur jiltaqa’ biex jipprepara programm li kulħadd ikun jistenna. Nixtieq, bħala Arċipriet intenni kelma ta’ apprezzament u ta’ radd il-ħajr lil dawn il-membri u s-sotto-kumitati li jaħdmu bla heda, id f’id mal-Arċipriet fit-tfassil tal-programm u f’attività kbira ko-ordinata. Forsi wieħed ma jimmaġinax kemm ħidma, ħsieb u riskju titlob attività u ċelebrazzjoni ta’ din ix-xorta. Tassew li l-Festi – Tempesti!
Appell għall-GĦAJNUNA u ĠENEROŻITÀ
Bejn it-Tnejn 25 u l-Ħamis 28 ta’ Ġunju 2012, l-Arċipriet flimkien mal-helpers ser jgħaddu bieb bieb għall-Ġabra Kbira għall-Festa tal-Bambina. Dan li ser nagħtu għandna nagħtuh mill-Qalb, u nagħtu offerta kbira u sabiħa sabiex inpattu għal dawk li forsi ma jistgħux jagħtu. Is-somma li rridu nwasslu fil-Budget 2012 marbut mal-ġabra bieb bieb huwa ta’ madwar €25,000. Araw ir-Rendikont tal-festa tas-sena l-oħra, li qed jaslilkom id-dar u araw Ras għal Ras x’għandna noffru lill-Bambina, sabiex inwasslu din is-somma kbira u sabiħa.
Inkunu ġenerużi u poplu b’qalb kbira, sabiex fil-mument tal-festa tal-parroċċa ad unur ta’ Ommna Marija Bambina niċċelebraw Festa Dinjituża / Festa li tixraq lix-Xagħrin.
Kors Mixja ta’ Fidi – Tħejjija għaż-Żwieġ
Il-koppji għarajjes li qed jagħmlu l-kors bi tħejjija għaż-żwieġ ser ikollhom quddiesa għalihom nhar is-Sibt, 16 ta’ Ġunju 2012 fis-7.30pm. Għal din il-quddiesa ser jattendu s-saċerdoti u l-animaturi tal-koppji li jieħdu ħsieb din il-Mixja ta’ Fidi. Wara l-quddiesa jingħataw ċertifikati meħtieġa lil dawk il-koppji li attendew regolari għall-formazjoni tagħhom.
Is-Sejħa tal-Madonna ta’ Pinu
Nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ġunju, infakkru l-ġrajja ta’ meta l-Madonna ta’ Pinu, meqjuma fis-Santwarju tagħha fil-Parroċċa tal-Għarb, sejħet lil Karmni Grima. Inħeġġukom ħafna sabiex iżżuru s-Santwarju, u titolbu bl-interċessjoni tal-Madonna għall-bżonnijiet tal-familji tagħna.
Merħba Kbira lill-Emigranti Fostna
Din is-sena ser tkun waħda rekord għan-numru sabiħ ta’ emigranti li ser ikollna fostna fil-ġranet tas-sajf u fil-jiem tal-festa. Ta’ min jinnota l-preżenza tal-emigranti tagħna għall-quddiesa ta’ kuljum. Merħba lil dawk li diġa’ qegħdin fostna u lil dawk li ser jaslu fil-ġimgħat li ġejjin.
Inkomplu s-Sibtijiet tal-Bambina
Nhar is-Sibt, 23 ta’ Ġunju huwa t-Tielet Sibt tal-Bambina. Fis-7.00pm reċita tar-Rużarju Mqaddes, u fis-7.30pm quddiesa bil-prietka mmexxija mis-saċerdot novell Dun Daniel Grech (Kerċem) bis-sehem tal-familji li joqgħodu fit-toroq Parisott, Dun Ġorġ Preca, Ġwann Camilleri u Karkar.
Ilbies Deċenti
Inħeġġukom sabiex fil-ġranet tas-sħana tiġu lebsin deċenti u onest, speċjalment fid-dar t’Alla. Ċertu lbies skullat, trasparenti, issikkat u qasir ma jgħinx fir-rispett lejn id-dar t’Alla, u lejn in-nies li jiġu l-knisja biex jitolbu.
Pellegrinaġġ Parrokkjali: Imexxi L-Arcipriet Mons. Carmelo Refalo:
(Parroċċa Maria Bambina Xagħra)
San Giovanni Rotondo, Ruma u Assisi
Mit-13 sal-21 ta’ Settembru 2012
( 9 t’Ijiem sħaħ )Inżuru:
Madonna ta’ Pompei, Monte Sant’Angelo (Santwarju ddedikat lil San Mikiel Arkanġlu li qiegħed fuq il-muntanja tal-Gargano), Pietralcina u Piana Romana (Postijiet fejn kien twieled u għex San Pio sakemm kellu 31 sena), Lanciano (fejn inżuru s-Santwarju tal-Miraklu tal-Ewkaristija), Vatikan u Postijiet fil-Belt Eterna Ruma, Tivoli, Cascia (Santa Rita), Norcia ( fejn twieldu San Benedittu u Santa Skolastika), Castell Gandolfo u Assisi. Prezzijiet :
Tfal sa 11-il sena f’kamra ma’2 Adulti Euro 759
Adult f’kamra ta’ 2/3 sodod Euro 879
Kamra Singola Euro 140 (Extra)
Insurance Standard Cover Adulti (Excess Waiver) Euro 24.50
Insurance Standard Cover Tfal taht 16-il sena Euro 14.50
Prezz Jinkludi :
Titjira mal-Air Malta għal Napli u lura min Ruma
Pullmann għad-dispożizzjoni tagħna
Akkomodazjoni Ċentrali (San Giovanni Rotondo u Ruma) Half Board għal 8 iljieli
L’Eskursjonijiet kollha
Taxxi Kollha u service charge. Servizz ta’ Tour Leader u Direttur Spiritwali
