BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
8-04-2012
ALLELUJA! IL-MULEJ QAM TASSEW
Għall-Knisja kollha, iż-żmien tal-Għid huwa ċ-ċentru tas-sena. Għal ħamsin jum l-insara jiċċelebraw il-Qawmien mill-mewt tal-Mulej. Il-kant tal-“Alleluja” ma jaqtax f’dan iż-żmien sabiex ixandar il-Ħajja fuq il-Mewt. Santu Wistin f’waħda mill-prietki tiegħu dwar l-Allelujah tal-Għid, igħid “Ejjew inkantaw l-“Alleluja” hawn fuq l-art, meta għaddejjin mill-inkwiet u mid-dwejjaq, sakemm ġurnata għad inkantawha bla xkiel fis-sema.” Illum ejjew inkantaw, sabiex insibu l-faraġ qalb l-inkwiet, kanta u għajjat, farraġ lilek innifsek bla ma taqa’ fil-miżerja tal-ħajja! Kanta u għajjat “Alleluja”.
Ħafna mill-insara, illum tilfu s-sens veru tal-misteru tal-Għid. Jifirħu bin-natura u bis-sbuħija tar-Rebbiegħa, imma ftit jifirħu bir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. Mill-Qawmien ta’ Ġesù, illum aħna mistiedna niskopru l-ħajja l-ġdida li nirċievu – ħajja għar-ruħ u għall-ġisem.
Programm ta’ Ħadd il-Għid:
8.00am: Talb tat-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u Talba ta’ Nofs il-Jum mill-W.R. Kapitlu Kolleġġjali u l-Kleru tal-Parroċċa bis-sehem tal-poplu.
8.30am: Konċelebrazzjoni Konventwali Solenni mmexxija minn Mons. Arċipriet Carmelo Refalo.
9.30am: Toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt u tberik tal-figolli. Tieħu sehem il-Banda Victory. It-tfal iġibu l-figolli tagħhom sabiex jitbierku. L-Arċipriet iqassam figolli lit-tfal preżenti.
11.00am: Quddiesa bis-sehem tal-Kor Schola Cantorum Jubilate.
6.15pm: Pageant kbir tal-Għid bl-isem “Iċ-Ċenturjun”, kitba tal-Kan. Joe Mejlaq u produzzjoni ta’ Josephine Azzopardi.
7.30pm: L-aħħar quddiesa fil-Bażilika.
Awguri mill-Honduras
L-Għid it-Tajjeb,
Minn qalbi, flimkien mal-Knisja pellegrina ta’ Olancho fil-Honduras, nixtieq l-Għid it-tajjeb u qaddis lill-għażiż Arċipriet, lis-saċerdoti u reliġjużi u lill-aħwa kollha.
Jalla, ma’ Kristu mqajjem mill-imwiet u ħaj, inkomplu ngħixu b’ferħ is-sejħa tagħna u nwettqu b’imħabba il-missjoni li Hu fdalna.
Tislijiet u xewqat ta’ Sliem lill-qraba u l-ħbieb u radd il-ħajr speċjali lill-għeżież benefatturi.
Ħukom
+Joe Bonello OFM
Isqof ta’ Juticalpa.
Radd ta’ ħajr speċjali.
Ktieb Ġdid tal-Kant
Wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb Psallite I, bil-kant tal-Avvent u tal-Milied, il-Kumitat Liturġiku tal-Parroċċa, bis-sehem ta’ Louis Bajada u Fr. Michael Curmi tana Psallite II, ktejjeb għall-kant matul ir-Randan u l-Għid. Użawhom, kantaw, ibżgħu għalihom u ħalluhom f’posthom.
Nitolbu l-Barka t’Alla fi Djarna
Għada t-Tnejn jibda t-tberik tal-familji tal-parroċċa tagħna. L-Arċipriet jixtieq jiltaqa’ mal-membri kollha tal-familja, jiltaqa’ mal-anzjani u mal-morda. Nagħtu l-għajnuna tagħna b’apprezzament lill-Arċipriet, lis-sagristani/helpers u lill-abbatini. Dawn huma t-toroq li mhumiex inklużi fil-programm tat-tberik:
It-Tlieta 17 t’April: Triq Knisja (minn B. Curmi sat-tarf ta’ fuq) filgħaxija.
L-Erbgħa 25 t’April: Triq Jannar (mill-bidu sa J. Bajada u Triq Għar ta’ Ninu) filgħaxija.
Is-Sibt 12 ta’ Mejju: Triq is-Sellum, Triq ir-Rabat – Familja Mizzi, Triq Masri (mill-bidu sat-tarf) filgħaxija
Festa tal-Ħniena Divina
F’dawn il-ġranet, il-Knisja qed tipprepara Novena ta’ Talb għall-Festa tal-Ħniena Divina. Nhar il-Ħadd li ġej l-ewwel anniversarju mill-Beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ser ikollna l-festa tal-Ħniena Divina. Żommu dan l-Appuntament: Programm:
4.00pm: Adorazzjoni u talb tal-Ħniena Divina.
5.00pm: Konċelebrazzjoni bil-prietka tal-okkażjoni. Ħajru ħafna nies sabiex jattendu
Fund Raising Group tal-Parroċċa
Dan il-grupp qed jagħti kontribut mhux żgħir sabiex jiġbor fondi għall-Festa ta’ Marija Bambina. Nagħmlu appell sabiex tattendu għall-Higħ Teas li norganizzaw u nippreferu dawn l-attivitajiet billi nifhmu li r-raħal jiġi l-ewwel.
L-Arċipriet, il-Kapitlu u l-Kleru flimkien mal-membri tal-Kunsill Parrokkjali jagħtu l-Għid it-Tajjeb lill-poplu kollu tax-Xagħra.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Vicky Cini toffri €15 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Lorenzo u Ġanna Xerri
