BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
7-04-2013
Għaddej it-Tberik
Matul dan ix-xahar ta’ April l-Arċipriet iżur il-familji kollha tax-Xagħra fl-okkażjoni tat-Tberik tal-Għid. Din hija esperjenza li fil-Pastorali ta’ kull Kappillan jew Arċipriet tagħtih il-possibiltà li jiltaqa’ mal-parruċċani tiegħu, l-aktar dawk li huma morda fi djarhom. Għan-nies tax-Xagħra din id-drawwa għadha tinżamm bi stennija tant li l-familji jilqgħu lil Ġesú fil-persuna tas-saċerdot bir-rispett li jixraqlu u bi preparazzjoni li ssir fil-qlub, fid-djar u fil-festin li n-nies tipprepara. Ikun mument sabiħ ta’ talb li fih nitolbu l-Barka t’Alla, u fuq kollox mument fejn wieħed jitkellem flimkien.
Grazzi tal-Għajnuna: Inroddulkom ħajr għall-għajnuna finanzjarja li qed taghtuna għaliex minn dan irid jinżamm il-fond għas-sosteniment tal-Arċipriet. Grazzi wkoll għan-nom tas-sagristan u l-abbatini.
Tajjeb li Tavżaw: Għamilna programm tat-tberik li qiegħed adattat għaż-żmien tal-lum bil-possibiltà li l-parti l-kbira tat-tberik isir filgħaxija. L-edukazzjoni titlob li meta xi ħadd ma jkunx jista’ jżomm mal-programm dan iċempel u javża. Napprezzaw li dan isir! Min ikollu xi problema jista’ jitlob appuntament. Grazzi u l-Bambina tbierek mis-sema l-imħabba u r-rispett li turu.
FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA
Illum il-Parroċċa tagħna tiċċelebra kif jixraq il-festa tal-Ħniena Divina
Programm:
4.00pm: Adorazzjoni b’riflessjoni u t-talba tal-Kurunella tal-Ħniena Divina
5.00pm: Quddiesa bil-prietka tal-Festa tal-Ħniena Divina. Nattendu bi ħġarna.
ĠESÙ JIENA NAFDA FIK
Kumitat Ġimgħa l-Kbira u Festi tal-Għid
Għal sena oħra, il-kumitat irnexxielu jgħolli l-livell tal-Purċissjoni Pageant, liema professjonalità jagħmel waħda mill-aqwa purċissjonijiet fil-gżejjer Maltin. Il-kumitat attwali jistieden membri ġodda sabiex nippreparaw għaċ-ċelebrazzjoni tas-sena 2014 li tfakkar l-ewwel 100 sena mill-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-miġja tal-vari minn Lecce fl-Italja fl-1914. Il-kumitat jixtieq jirringrazzja lil kull min ta sehmu biex iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jirnexxu.
It-Tieni Kors ta’ Formazzjoni fis-Sena tal-Fidi
It-Tlieta 9 ta’ April ser jibda Kors ta’ Formazzjoni fis-Seminarju għal-lajċi u persuni kkonsagrati dwar Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Din id-darba se jitmexxa minn kelliema differenti, li huma dawn: Mons Joseph Sultana, Mons Salv Grima, Mons Renato Borg, Mons Anton Borg u Dun Alex Refalo. Il-ġranet tal-kors se jkunu t-Tlieta u l-Ġimgħa u l-ħinijiet ser ikunu mill-4.00pm sal-5.00pm u mill-5.30 sas-6.30pm. Min hu nteressat jibbukkja fl-Uffiċċju Parrokkjali.
Xi Tagħrif
- Xogħol ta’ Manutenzjoni fuq il-Kappella taċ-Ċimiterju: Bħalissa qed isir xogħol estensiv ta’ tikħil u rranġar tal-kappella taċ-Ċimiterju minn barra u minn ġewwa. Il-bjut tal-Kappella qed isir xi xogħol fuqhom minħabba xi ilma li kien jidħol. Min hu nteressat joffri xi għajnuna jkellem lill-Arċipriet.
- Katekeżi tas-Sena tal-Fidi (6): Nhar il-Ħamis 11 ta’ April 2013, ser issir il-Katekeżi għall-poplu fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi. Il-Katekeżi tibda fis-7.30pm. It-tfal kollha tad-duttrina ikollhom il-Katekeżi tagħhom fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ, waqt li l-istudenti tal-Griżma għandhom ikunu preżenti mal-ġenituri tagħhom fil-Knisja.
- Bazaar tal-Għid: Minn qalbna nroddu ħajr lill-helpers kollha li għinu fil-Bazaar tal-Għid, li ddedikaw siegħat u ġranet sħaħ sabiex igħinu lill-knisja tagħna. Radd il-ħajr ukoll imur għal dawk in-nies li ġabu xi affarijiet bħal dqiq, zokkor, bajd etc. Grazzi mill-qalb u l-Bambina tbierek l-impenn tagħkom favur il-komunità tax-Xagħra.
- Illum iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mit-8.00am sas-1.00pm għal dawk in-nies li jixtiequ jagħtu d-demm. Dawk li huma nteressati għandhom jieħdu magħhom il-Karta tal-Identità
- Ċerimonja tal-għoti tal-Premju “Familja Qalb tad-Deheb”: Din is-sena ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju “Familja Qalb tad-Deheb” ser tinżamm nhar is-Sibt 11 ta’ Mejju. In-nominazzjonijiet għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Familja, Triq Fortunato Mizzi ir-Rabat sal-aħħar ta’ April.
- Ġabra b’risq il-Fondazzjoni Arka: Fil-quddies kollu ser issir ġabra djoċesana b’risk il-Fondazzjoni Arka.
Talba Qabel L-Irqad: Se norqod u nistrieħ, nofri ruħi lill-erwieħ, se norqod u nirpoża nofri ruħi lil Santa Roża, se norqod u nimtedd nofri ruħi lil San Ġużepp.
Ringrazzjamenti
Seminarju: Inroddulkom ħajr għall-ġabra b’risq is-Seminarju li saret waqt l-Eżerċizzi tar-Randan li din is-sena laħqet is-somma totali ta’ €3,542. Din is-somma kienet kif ġej:
Bażilika: €2,014.85
Nazzarenu: € 731.90 u € 700 Borża ta’ Studju
Sant’ Anton: € 95.25
Ġabra waqt il-Kunċert “Crucifixus” li saret b’risq l-“Arka Respite Centre” telgħet għas-somma sabiħa ta’ € 392.47.