PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
02-12-2012
SENA ĠDIDA – B’MIXJA TA’ FIDI
L-Avvent jimmarka l-bidu ta’ Sena Liturġika Ġdida. Il-qalb tagħna titħejja biex tfakkar il-miġja tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, waqt li tishar tistenna t-Tieni miġja Tiegħu fil-Glorja.
X’ser nagħmel f’dan iż-żmien? Waqt li d-dinja ma tagħtiniex l-għajnuna meħtieġa, aħna minkejja kollox irridu nkunu konvinti li nsiru midħla tal-Kelma u tal-Ewkaristija. L-Avvent, bil-kulur liturġiku vjola, ipoġġina fi żmien ta’ preparazzjoni fit-talb. Il-quddiesa ta’ kuljum hija mezz qawwi sabiex ngħixu dan iż-żmien. Dawk li minħabba xogħol ma jistgħux jattendu, jistgħu jimmeditaw il-kelma t’Alla minn fuq Messalin, jew fuq diversi “sites” li jagħtu l-liturġija ta’ kuljum.
L-Immakulata Kunċizzjoni fl-Avvent
Nhar is-Sibt li ġej, 8 ta’ Diċembru 2012, niċċelebraw lil Dik li hi kollha kemm hi Sabiħa – għaliex meħlusa minn kull dnub. Inħarsu dan il-jum bis-smigħ tal-quddies u bit-tqarbin. Ħinijiet tal-quddies fil-Bażilika: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am, 9.45am, 11.00am, 4.30pm u fis-6.30pm. Ser ikun hemm pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala. Trasport mill-pjazza fil-5.00am.
Seminarista Daniel Sultana – Akkolitu
Tarġa oħra lejn is-Saċerdozju ser titwettaq fil-ħajja u fil-vokazzjoni ta’ Daniel Sultana. Nitħejjew għall-quddiesa tal-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat minn idejn l-E.T. Monsinjur Mario Grech Isqof t’Għawdex, nhar il-Ħadd 9 ta’ Diċembru 2012, fil-5.00pm. Bi tħejjija għal din il-grazzja, aħna lkoll mistiedna sabiex nieħdu sehem fl-Adorazzjoni tal-Ħamis fis-7.00pm, sabiex inkomplu nitolbu għall-vokazzjonijiet.
Kwaranturi fil-Knisja ta’ Ħamet
Il-ġranet tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd: 7, 8, u 9 ta’Diċembru ser ikunu jiem ta’ Adorazzjoni fil-Knisja ta’ Ħamet. Dawn il-jiem ta’ Adorazzjoni, jagħlqu nhar il-Ħadd 9 ta’ Diċembru fis-7.30pm bil-quddiesa kkonċelebrata mill-E.T. Monsinjur isqof Mario Grech.
Kappillan t’Erba’ Parroċċi – Il-Kanoniku Dun Joe Said
Mulej Ġesù, Ibgħat ħafna ħaddiema qaddisa fil-Knisja Tiegħek
Nhar il-Ħadd 7 ta’ Ottubru 2012 l-Isqof ta’ Frosinone-Veroli – Fiorentino, fl-Italja għoġbu jaħtar lil Dun Joe Said kappillan ta’ tliet parroċċi oħra: il-Parroċċa ta’ Santa Marija, il-Parroċċa ta’ San Nikola ta’ Bari u l-Parroċċa ta’ San Pietru Appostlu. Dawn il-parroċċi jingħaqdu ma’ dik li fil-preżent Dun Joe Said ilu diġà tmien snin kappillan tagħha: il-Parroċċa tal-Papa San Piju X. Dun Joe jinsab waħdu ma’ ħamest elef u ħames mitt ruħ li jiġbor fih ir-reġjun ta’ Supino: erba’ parroċċi b’saċerdot wieħed! Fil-preżent Dun Joe għandu ħafna bżonn tat-talb tagħna u ta’ support spiritwali. Nafdaw il-futur ta’ dawn il-parroċċi f’idejn Ġesù s-Saċerdot il-Kbir u r-Ragħaj tal-erwieħ, biex taħt il-ħarsien ta’ Marija Omm is-saċerdoti, ta’ San Ġwann Marija Vianney il-patrun tas-saċerdoti u tal-qaddisin patruni ta’ dawn il-parroċċi, il-Mulej jogħġbu jibgħat għajnuna spiritwali f’dawn il-parroċċi, għall-ġid spiritwali ta’ dawn l-Insara.
NITOLBU! NITOLBU! NITOLBU!
Xi tagħrif Importanti
- Nippreparaw il-presepju fid-dar u nżejnu t-twieqi bil-Bambin. Idħlu fil-kompetizzjoni billi tiġbru formula mill-Uffiċċju Parrokkjali.
- Bolli Użati għall-Missjoni. Ġibulna ħafna bolli u poġġuhom fil-kaxxi fil-knisja.
- Attenti għall-alkoħol…Allarmanti l-każi li fihom ħafna nies, fosthom dawk ta’ taħt l-età qed jaqgħu fix-xibka kiefra tal-Alkoħol. Ġenituri tal-adoloxxenti “take care”. Bniedem avżat nofsu armat.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- L-aħwa Sultana u l-familji tagħhom joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża ommhom u nannithom Marianna Sultana.
- Rosaria Camilleri u wliedha joffru €12 b’suffraġju ta’ Victor u Marija Camilleri.

