PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
21-10-2012
JUM IL-MISSJONI 2012
Illum il-Knisja tfakkar l-impenn tagħha sabiex id-don tal-FIDI jasal fil-Qlub tal-Bnedmin kollha. Min iħobb lil Ġesù għandu xewqa f’qalbu li “l-Imħabba tkun maħbuba”. Mat-talb tagħna noffru l-għajnuna finanzjarja mill-qalb. Nistgħu nagħmlu Borża ta’ Studju sabiex ngħinu saċerdot fil-Missjoni. Inlestu l-envelopes b’offerta sostanzjali għall-Missjoni. Il-ġbir kollu li ser isir fil-quddies kollu ser imur għall-Missjoni.
Illum il-Ħadd, il-Grupp Missjunarju Għawdxi sejjer jorganizza quddiesa fil-kappella tas-seminarju fil-5.30p.m. Ikun hemm ftit ħin ta’ Adorazzjoni u talb flimkien. Inħeġġu b’mod partikulari lill-familjari tal-missjunarji kemm ta’ dawk li għadhom iwettqu ħidma missjunarja u kif ukoll ta’dawk li diġa’ qegħdin fi ħdan il-Missier. Stedina partikulari tmur ukoll għal kull min għandu għal qalbu l-kawża missjunarja.
NITOLBU GĦALL-KNISJA MISSJUNARJA
Korsijiet ta’ Formazzjoni fis-Sena tal-Fidi
Mal-Bullettin tal-Ħadd li għadda, qassamna brochures bit-tagħrif u bl-applikazzjoni dwar tliet korsijiet ta’ formazzjoni fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi. Dawn il-korsijiet li qed jiġu organizzati mis-Seminarju, huma miftuħa għall-poplu t’Alla, jiġifieri lajċi, persuni kkonsagrati u saċerdoti. It-temi marbuta ma’ din is-Sena tal-Fidi huma dawn:
Kors I: “Nerġgħu Niskopru l-Konċilju Vatikan II” (mit-3 sat-28 ta’ Novembru 2012).
Kors II: “Il-Fidi fl-Esperjenza tal-Knisja u tan-Nisrani” (mis-16 ta’ Jannar sad-9 ta’ Frar 2013).
Kors III: “Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika” (mill-10 t’April sal-4 ta’ Mejju 2013).
Inħeġġu lil kull min hu nteressat sabiex japplika, billi jimla l-formula li bagħatnielkom id-dar. Il-formoli bid-dettalji, flimkien mal-ħlas tistgħu tibgħatuhom is-Seminarju jew iġġibuhom fl-Uffiċċju Parrokkjali.
Abbonament Rivista “L-Art Imqaddsa”
Inħeġġukom biex iġġeddu l-abbonament fir-Rivista Bibblika “L-Art Imqaddsa”, mimlija tagħrif siewi sabiex insiru aktar midħla tal-Kotba Mqaddsa. Din ir-rivista toħroġ mill-Patrijiet Franġiskani li jaħdmu fil-Kustodja tal-Art Imqaddsa. Għall-prezz ta’ €10, tirċievu rivista bil-kulur f’darkom, b’tagħrif dwar l-Iskrittura u dak kollu marbut magħha. Ejjew inkitbu jew ġeddu l-abbonament fl-Uffiċċju Parrokkjali.
Demm Xagħri..fiċ-Ċelebrazjoni tal-Ftuħ tas-Sena tal-Fidi
Il-ġimgħa l-oħra kelli l-privileġġ li nirrappreżenta ż-żgħażagħ Awstraljani fil-quddiesa tal-ftuħ tas-Sena tal-Fidi li ħabtet mal-50 sena anniversarju tal-Konċilju Vatikan II. Waqt il-quddiesa rċivejt minn idejn il-Papa Benedittu XVI kopja tad-Dokumenti tal-Konċilju. Għalija kienet esperjenza meraviljuża li ma tistax titfisser.
Il-laqgħa tiegħi mal-Q. T. Il-Papa kienet interessanti u sabiħa. Interessanti fis-sens li ma nsibx kliem biex infissirha. Kellimni b’lingwa li jien naħseb li kienet bit-Taljan, waqt li jien irrispondejtu bl-Ingliż, imma b’aċċent Awstraljan u għalhekk ma stajniex nifhmu lil xulxin. Imma żgur insir naf x’qalli fil-Ġenna.
Għalkemm kellna din id-diffikulta tal-lingwa, matul il-laqgħa ħassejt imħabbtu għalija, u li kont importanti għalih. Fil-Vanġelu tal-Ħadd kien hemm il-kliem “Ġesù ħares lejh bil-ħniena u ħabbu” Ġesù tafa’ ħarstu kollha fuqu, għax ħabbu.
Hekk ukoll ħassejt jien waqt li kont tiela’ t-taraġ ta’ San Pietru biex niltaqa’ mal-Papa. Il-Papa ma ħarisx lejn il-formalita u l-qoxra ta’ barra, imma ħares bl-imħabba għall-Knisja, għaż-żgħażagħ u għalija…………….(kitba ta’ Anna Fsadni (22 yrs old) 11-10-12
P.S. Anna Fsadni hija t-tifla ta’ Berta Fsadni neé Grech li jgħixu fl-Awstralja, filwaqt li n-nanniet tagħha huma Dr. Humbert Grech u martu Katie neé Camilleri.
Għoti tad-Demm
Illum il-Ħadd, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuh għall-kumdita’ ta’ min jixtieq jagħti d-demm, partikularment għal dawk li ma jsibux ħin biex jagħtu fil-jiem ta’ matul il-ġimgħa. Il-ħin għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:00am sas-1:00pm. Il-pubbliku hu mħeġġeġ biex ikompli jikkonkorri jagħti d-demm u hekk jiġi offrut serħan il-moħħ lil tant pazjenti rikoverati fl-isptarijiet tal-gżejjer tagħna. Importanti li kull min jitħajjar jagħti d-demm jieħu miegħu l-Karta tal-Identita’.
Nhar il-Ħamis li ġej ikollna l-Adorazzjoni fis-7.30pm
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- L-aħwa Buttigieg joffru €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom M’Angelo u Salvina Buttigieg u l-għażiża oħthom Marija Buttigieg.
- Carmela Grech, uliedha u l-familji tagħhom joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Emanuel Grech.

