
BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
02-09-2012
INKURUNATA U REBBIEĦA
Illum infakkru id-39 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Istatwa Titulari ta’ Marija Bambina. Dan hu Jum ta’ għaqda ntimà tax-Xagħrin mal-Bambina, li jfakkar meta l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, nhar it-2 ta’ Settembru 1973, poġġa fuq ras il-Bambina, kuruna ta’ deheb u ta’ ħaġar prezzjuż. Illum għandu jkun Jum ta’ Spiritwalità doppja għaliex dan il-Jum qed jiġi ċċelebrat f’Jum il-Mulej. Infittxu li nisimgħu l-Kelma t’Alla, nersqu lejn l-Ewkaristija u fuq kollox , illum ngħidu r-Rużarju Mqaddes.
Quddies fil-bażilika: 5.00am.6.00am, 7.00am, 8.30am, 9.45am, 11.00am u fil-5.00pm.
Fis-7.00pm Konċelebrazzjoni Pontifikali Solenni mmexxija mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus ta’ Malta, flimkien mal-W.R. Kapitlu Kolleġġjali u Kleru tal-Parroċċa. Jinseġ il-Paniġierku Dun Simon Mario Cachia. Tiġi segwita l-Quddiesa “San Antonio” tas-Surmast Nazzareno Refalo, bis-sehem tas-Solisti u l-Kor “Marija Bambina”. L-orkestra tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Antoine Theuma. Wara, il-festa titkompla b’marċ kbir mill-Banda Viżitazzjoni tal-Għarb u l-banda Victory tax-Xagħra. Fi tmiem il-marċ, l-istatwa tittella’ fuq il-pedestall waqt li jitkanta l-innu tal-Inkurunazzjoni.
OUTREACH
X’inhi din il-kelma? ….hija kelma li tfisser l-azzjoni pastorali lejn dawk li jinsabu ’l bogħod mill-Qrar u mis-Sagramenti…..’l bogħod minn Alla. Biex insibu ħin konvenjenti għal tal-qrib u għal tal-bogħod, għada t-Tnejn, il-knisja ser tibqa miftuħa bejn id-9.00pm u nofs il-lejl. Fil-Bażilika ssir Adorazzjoni u jkollna possibiltà tal-Qrar. Inħeġġu lil kull min ikun fil-pjazza sabiex matul dawn it-tliet sigħat jidħol ħdejn Ġesù Ewkaristija u jwassal oħrajn lejn Ġesù.
Tridu Solenni
It-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis huma ġranet tat-tħejjija permezz tat-Tridu Solenni. Nersqu aktar lejn il-Knisja u nieħdu sehem fiċ-Ċelebrazzjoni Marjana bil-kant tal-Ave Maris Stella, l-Antifona, u nieħdu l-Barka Sagramentali.
Stedina lill-Emigranti Xagħrin
Din is-sena għandna fostna numru sabiħ ta’ emigranti, li ġew għall-festa, emigranti ġejjin mill-Awstralja, mill-Amerika, mill-Kanada u mill-Ingilterra. Inkunu preżenti nhar l-Erbgħa 5 ta’ Settembru fis-7.00pm għall-quddiesa bil-prietka, li ser titmexxa mill-Kan. Dun Ġużepp Sultana, li din is-sena qed jiċċelebra l-50 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.
Lejliet il-Festa
Lejliet il-Festa hija l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar. Programm:
9.00am: Konċelebrazzjoni bil-kant tat-Te Deum.
10.00am: F’misraħ il-Vitorja ċeremonja kommemorattiva li tfakkar l-Assedju ta’ Malta, b’diskors tal-okkażjoni mis-seminarista Joseph Hili. Ix-Xagħra Historical Re-enachment Organisation jagħtina d-daħla trijonfali tal-Gran Mastru, il-ġrajja tat-Tieni Gwerra Dinjija, u wara, tqiegħid ta’ kuruni f’riġlejn il-monument tal-Assedju l-Kbir u l-pedestall tal-Bambina.
Tajjeb Tkun Taf
- Noffru bukketti ta’ fjuri lill-Bambina.
- Nappellaw għall-imġieba tajba fil-marċijiet.
- Nappellaw sabiex ma niżbaljawx bi kliemna.
- Nappellaw għall-kooperazzjoni mal-puluzija.
- Inżommu nadif u nieħdu ħsieb l-iġjene pubblika.
- Ħadd ma jpoġġi armaturi u kaxxi mal-armar prezzjuż tal-pjazza u tat-toroq.
- Radju Bambina bi skeda speċjali tal-festa 98.3FM. Żuru l-webcam u l-web streaming.
- Waslet il-gazzetta “Ix-Xagħra”, b’suppliment tant interessanti mill-emigranti u n-nies tax-Xagħra.
- Kalendarju 2013 b’kollezzjoni ta’ ritratti bl-abjad u bl-iswed b’dedika lis-Sur Joseph Camilleri (ta’ Ġenesja).
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- Mons. Eucharistico Sultana joffri €20 b’suffraġju tal-għażiz missieru Ġużeppi Sultana.
- Teresa Said u wliedha joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Ġużeppi Said.
