BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
8-07-2012
IS-SAĊERDOTI TAGĦNA: 25, 50, 60
Nifirħulhom għall-Anniversarju tad-Deheb, Fidda u tad-Djamanti. Qed nitkellmu dwar is-saċerdoti Xagħrin Dun Anton Attard, Dun Gerard Buhagiar u Dun Alex Refalo, li qed jiċċelebraw il-25 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħhom. Dun Ġużepp Sultana qed jiċċelebra l-50 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu, waqt li l-aktar saċerdot veteran fil-Parroċċa tagħna huwa l-Kanonku Dun Angelo Bartolo, li qed jiċċelebra s-60 anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Kull filgħodu, Radju Bambina qed ixandar it-Talba tar-Rużarju b’talb speċjali għas-saċerdoti u għall-Ordinazzjoni tagħhom. Nifirħu ma’ dawn is-saċerdoti u mal-għeżież tagħhom f’din l-okkażjoni sabiħa. Fil-programm tal-festa ser ikollna okkażjoni sabiex flimkien ma’ dawn is-saċerdoti ngħidu grazzi lil Alla bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina.
Preparazzjoni għal-Liturġija tal-Festa
Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju, ser issir laqgħa mportanti ħafna għal nies li jixtiequ jgħinu fl-“animazzjoni” taż-żewġ Noveni kbar li ppreparajna għall-Festa tal-Bambina. Niltaqgħu fid-Domus Curialis fil-5.00pm biex niddiskutu n-Novena tat-tfal, u fis-6.00pm biex nippreparaw tal-adulti.
Inkomplu s-Sibtijiet tal-Bambina
Nhar is-Sibt, 14 ta’ Lulju huwa s-Sitt Sibt tal-Bambina. Fis-7.00pm reċita tar-Rużarju Mqaddes, u fis-7.30pm quddiesa bil-prietka mmexxija mill-Arċipriet Frankie Bajada (Għajnsielem) bis-sehem tal-familji li joqgħodu fit-toroq Ġnien Xibla, Tiġrija, Vestru u Patri Mattew Sultana.
Il-Ġabra għall-Festa tal-Bambina
Ngħidu grazzi lil dawk kollha li qed igħinu b’kull mezz sabiex il-festa tal-Bambina, din is-sena tirnexxi. Il-ġabra s’issa telgħet għas-somma ta’ €22,147. Inħeġġu lil dawk il-familji li għadhom ma tawx il-parti tagħhom biex iwasslu malajr l-offerta tagħhom lill-Arċipriet jew lil xi saċerdot. Il-Bambina tbierek il-ġenerożità tagħkom.
Gazzetta “Ix-Xagħra”
Diġa’ ġiet ippreparata edizzjoni mill-isbaħ tal-gazzetta “Ix-Xagħra”. Neħtieġu nies li bir-riklami jgħinuna noħorġu numru ieħor ta’ din il-gazzetta, li ddomm l-istorja glorjuża tal-Parroċċa. Dawk in-nies li għandhom negozji u li jixtiequ jirriklamaw fiha, ikellmu lill-Arċipriet, Victoria Said, Joe Bajada, Joe Mercieca u Marion Portelli.
Il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu
Nhar it-Tnejn, 16 ta’ Lulju, tiġi ċċelebrata l-festa liturġika ddedikata lill-Madonna tal-Labtu Mqaddes. Fil-Knisja ta’ Ħamet ser ikollna programm ta’ ċelebrazzjoniet. Kellmu lill-Monsinjur Karmelo Hili sabiex inxerrdu d-devozzjoni tal-Labtu Mqaddes.
Restawr…Restawr…Restawr
Il-knisja aktar mid-dar, jeħtieġ li nieħdu ħsiebha u nikkurawha. Il-Bullettin tal-ġimgħa d-dieħla, ser ikollu tagħrif dwar ix-xogħol kbir ta’ restawr li wasal fi tmiemu fil-kappella ta’ San Lawrenz Levita u Martri. Għaddej ġmielu x-xogħol fil-kampnari(tikħil minn ġewwa), fil-ħadid tal-qniepen, u fuq kollox ser nagħtu bidu għar-restawr tal-koppla minn barra.
Klabb tas-Sajf
Attività kbira u tagħlim ta’ skills u talenti, għaddejjin kuljum fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet u fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ. Fit-8.30am, it-tfal kollha tax-Xagħra qed ikollhom quddiesa għalihom. Ġenituri, nibgħatu lil uliedna, u fejn nistgħu nattendu magħhom.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Coronata Bartolo u ħutha joffru €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom Mikieli u Angela Bartolo.
