Xaghra Parish
Mar 5

Il-Bullettin tal-Hadd – March 3

Posted by admin

BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
7 – 03-2010

EŻERĊIZZI FAMILJA RANDAN 2010
Bejn għada t-Tnejn 8 ta’ Marzu u l-Ġimgħa 12 ta’ Marzu 2010, fil-Knisja Bażilika ser isiru l-Eżerċizzi Spiritwali tant mistennija fil-qalba tar-Randan Imqaddes. L-istedina għal dawn l-Eżerċizzi għandha tolqot lil kull min igħożż il-familja u għandu x-xewqa li jġedded fi Kristu l-ħajja taż-żwieġ. Il-Kelma t’Alla din is-sena, ġiet afdata f’idejn Fr.René Camilleri, predikatur magħruf, li ġej fostna minn Malta biex iwassal il-messaġġ tar-Redenzjoni. Issa jmiss lilna lkoll li nżommu l-appuntament mal-Kelma t’Alla. Żgur li l-infern jinfetaħ biex jikkumbatti u jtellef il-laqgħa mal-Kelma t’Alla. Ejjew inħeġġu oħrajn sabiex jattendu bi ħġarhom. Issa hu l-jum it-tajjeb, issa hu ż-żmien tas-salvazzjoni. Il-Papa Benedittu XVI qalilna li “Ir-Randan għandu jkun irtir kontinwu”……..kif tista’ ma tattendix għall-Eżerċizzi tar-Randan?

Is-Seminarju – il-Ġabra waqt l-Eżerċizzi tar-Randan
Matul l-Eżerċizzi jkollna l-ġabra l-kbira għas-Seminarju. Dan hu appuntament annwali li fih il-karita` tar-Randan tissarraf f’offerta ġeneruża biex ngħinu fil-formazzjoni ta’ dawk li ser ikunu s-saċerdoti ta’ għada. Il-Ħamis issir din il-ġabra mis-seminaristi. Il-morda u dawk li ma jistgħux jattendu jagħmlu mezz biex iwasslu s-sehem tagħhom, ħalli nagħmlu offerta li tixraq lis-Seminarju.

Il-Ministeru tal-Lettorat
Il-Ħadd li għadda, 28 ta’ Frar 2010, fil-Knisja Arċipretali ta’ Sannat, l-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech, ta l-Ministeru tal-Lettorat lis-seminarista mill-parroċċa tagħna, Mark Bonello. Dan huwa pass ieħor lejn is-Sagrament tas-Saċerdozju għal dan iż-żagħżugħ.

Il-Prietka tal-Via Sagra
Illum il-Ħadd fis-6.00pm. fil-Knisja Bażilika, ser issir il-prietka tal-Via Sagra, b’meditazzjoni mis-seminaristi u bis-sehem tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet. Inħeġġu biex ħafna jagħmlu l-meditazzjoni tal-Via Crucis u tal-Via Matris. Illum ukoll ser ikun hemm Adorazzjoni fis-skiet, fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ, bejn it-8.00pm u d-9.30pm. Esperjenza sabiħa li tkompli tibnina fil-mixja tar-Randan Imqaddes.

Pellegrinaġġ Redentur – Ħarġa għal Malta
Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu, vaganza pubblika, il-parroċċa tagħna flimkien mal-Arċipriet qed torganizza ħarġa għal Malta. Ikollna l-quddiesa f’riġlejn ir-Redentur tal-Isla, inżuru Bay Street, Buġibba, il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat Malta, kif ukoll is-suq. Aħsbu għall-biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali.

Ġej il-Papa
Iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta f’April li ġej, qed toqrob ġmielha. Dawk kollha li huma nteressati li jużaw it-trasport, huma avżati li d-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza trasport għal dawk li ser imorru filgħodu il-Ħadd 18 t’April 2010 għall-quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana, u trasport għal dawk li ser imorru għaċ-ċelebrazzjoni taż-żgħażagħ fuq il-Water Front, fix-xatt tal-Belt. Intom mitluba tiġbru l-formoli mill-Uffiċċju Parrokkjali u timlewhom biex issir l-organizazzjoni tat-trasport.

Xi Tagħrif
• Ħniena Divina: Illum il-Ħadd ser isir irtir tal-Ħniena Divina fil-Kunvent ta’ Sant’ Wistin li jibda fid-9.00am. Trasport mill-Pjazza fit-8.30am.
• Qari tas-Salmi: Illum fl-4.15pm. isir it-talb tas-Salmi bil-Malti mill-Kapitlu u l-Kleru flimkien mal-poplu.
• Żwiġijiet 2010: Dawk il-koppji li ser jiżżewġu matul is-sena 2010, ser ikollhom laqgħa mportanti għalihom għada t-Tnejn 8 ta’ Marzu fit-8.15pm., fl-Oratorju tal-Passjoni. Jattendu wkoll dawk li ser jiċċelebraw iż-żwieġ barra mill-parroċċa.
• Pellegrinaġġ għal Ta’ Pinu: Il-Ħadd li ġej 14 ta’ Marzu, fit-3.30pm. ser jitlaq pellegrinaġġ mill-Parroċċi tax-Xagħra u tan-Nadur lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Fil-4.15pm. iż-żewġ Parroċċi jiċċelebraw quddiesa flimkien f’riġlejn il-Madonna.

Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
• Antonietta Buttiġieġ u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Ruman Buttigieg.
• Maria Magrin u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiża ommha Franġiska Vella.
• Antionette Xerri u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż missierha Joe Sultana.

Feb 25

Il-Bullettin tal-Hadd – February 28

Posted by admin

BULLETTIN

PARROĊĊA MARIJA BAMBINA

XAGĦRA – GĦAWDEX

28-02-2010

“IKOLLOK ĦNIENA MINNI O ALLA”

Ir-Randan huwa żmien ta’ Riflessjoni, żmien li fih nagħtu aktar spazju għal Alla fil-ħajja tagħna.  Żmien li fih nagħarfu jekk aħniex ngħixu jew neżistu.  Żmien li fih inħallu d-dawl tal-Ispirtu ta’ Alla jdawwal ir-riflessjoni tagħna.  Fuq kollox huwa żmien ta’ sinċerita`.

“Ikollok ħniena minni O Alla

fi tjubitek fil-kobor tal-ħniena tiegħek

Ħassar ħtijieti”

“Issa hu ż-żmien it-tajjeb, issa hu ż-żmien tas-Salvazzjoni.”  Ħafna nies intebħu u stenbħu u bdew jattendu għall-quddies ta’ kuljum, diġa’ programmati biex jiġu l-EŻERĊIZZI SPIRITWALI, għandhom għal qalbhom il-meditazzjoni tal-Via Sagra.  Nagħmlu appell lil ħafna li għadhom fil-bruda biex jiftħu għajnejhom u jistembħu min-nagħas tagħhom….issa hu ż-żmien it-tajjeb!”

Ir-Randan …..matul din il-ġimgħa

  • Talb tas-Salmi: Illum il-Ħadd fl-4.00pm. fil-Bażilika jsir it-talb tas-Salmi mill-Kapitlu u l-poplu.
  • Irtir għall-Koppji Miżżewġa: Illum f’Dar Stella Maris iż-Żebbuġ, numru sabiħ ta’ familji qed jagħmlu l-Irtir tal-Għid.
  • L-Ewwel Qrara: Nhar l-Erbgħa 3 ta’ Marzu, fil-5.00pm. ser issir l-Ewwel Qrara lil numru ta’ tfal subien u bniet li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina.  Importanti ħafna li l-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu preżenti u jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.
  • M.U.S.E.U.M. tal-Bniet: Matul din il-ġimgħa, is-soċji bniet tal-M.U.S.E.U.M. għandhom l-Eżerċizzi Spiritwali għalihom.  Għalhekk matul din il-ġimgħa t-tfal ma jkollhomx duttrina.
  • Aħsbu għall-Eżerċizzi Spiritwali: Nhar it-Tnejn 8 ta’ Marzu nibdew l-Eżerċizzi speċjali għall-miżżewġin.  Jippriedka Fr. René Camilleri.
  • Adorazzjoni fis-Skiet: Kull nhar ta’ Ħadd, matul ir-Randan, fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ikun hemm adorazzjoni fis-skiet bejn it-8.00pm. u d-9.30pm. Ejja u ara.
  • Pellegrinaġġ tar-Redentur: Nhar il-Ġimgħa li ġejja, il-parroċċa tagħna ser torganizza t-tieni pellegrinaġġ.  Din id-darba mill-Knisja ta’ Ġesu` Nazzarenu, fejn fis-6.00pm. issir quddiesa kkonċelebbrata, u wara jitlaq il-pellegrinaġġ minn quddiem il-knisja bix-xbieha devota ta’ Ġesu` Redentur għall-Bażilika, fejn mal-wasla tingħata l-Barka Sagramentali. L-aħħar quddiesa fil-Bażilika tkun fis-6.00pm.

Is-Seminarista Mark Bonello

Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Margerita ta’ Sannat, illum fl-4.00pm., l-E.T. Monsinjur Mario Grech Isqof t’Għawdex, jagħti l-Ministeru tal-Lettorat lil żewġ seminaristi, wieħed minnhom iben din il-parroċċa Mark Bonello, iben Saviour u Emanuela Bonello.  Nifirħu mal-familja tiegħu, familjari u mal-Knisja kollha li qed tafda l-ministeru tal-Kelma fix-xandir tagħha lil dan iż-żagħżugħ.  Inħeġġu ħafna nies biex jattendu, filwaqt li din l-okkażjoni tkompli tħeġġiġna biex nitolbu aktar għall-vokazzjonijiet.

Ir-Redentur tal-Isla

Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu, il-parroċċa tagħna ser torganizza ġita għal Malta.  L-Arċipriet ser imexxi ċelebrazzjoni u quddiesa waqt li nżuru r-Redentur tal-Isla. Tkun okkażjoni biex inżuru s-suq ta’ Marsaxlokk, postijiet ta’ nteress u l-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat ta’ Malta.

Bazaar Kbir tal-Għid

Neħtieġu voluntiera biex igħinu fil-bazaar tal-qassatat u figolli. Fl-Uffiċċju Parrokkjali tistgħu ġġibu pakketti tal-margerina(stork), intrita, dqiq, zokkor, żbib, vanilla, bajd, etc….Il-qassatat speċjali tal-Għid huma mfittxija ħafna!  Jekk hemm xi nies li jixtiequ joffru kejkijiet plain, pastini, kwariżimal,qassatat li jistgħu jsiru fid-djar, tkun qed tgħin ħafna!

Tagħrif Importanti

Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet qed iħejji għall-Purċissjoni Pageant tat-tfal nhar Ħadd il-Palm.  Ġenituri ħeġġu lil uliedkom jieħdu sehem.  Kellmu lill-membri tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet.

Il-Kulleġġ t’Għawdex, Primarja Xagħra qed tilqa’ applikazzjonijiet għad-dħul fil-klassijiet tal-Pre Kinder (it-tfal li twieldu fis-sena 2007) Kinder u Year 1 li tibda f’Settembru / Ottubru 2010.  Il-ġenituri jieħdu magħhom iċ-ċertifikati tat-twelid, il-ktieb tat-tilqim u l-ID Cards tal-ġenituri.

Magħmudija:Dawk il-ġenituri li se jkollhom magħmudija fix-xhur li ġejjin, huma mitluba li jmorru jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali.

Neħtieġu: Dawk il-familji li għandhom sandlijiet tat-tfal u tal-kbar li m’għadhomx jużawhom, jistgħu jieħduhom lil xi membri tal-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira jew fl-Uffiċċju Parrokkjali.

CD ġodda: Akkwista u ibgħat lill-emigranti CD tal-Banda Victory-Marċi Funebri; CD tal-Paniġierku ta’ San Pawl fil-Belt Valletta; CD – “Lis-Saċerdoti tagħna”- l-innu lis-saċerdoti f’din is-Sena Saċerdotali…produzjoni tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet.

Il-Ġabra tal-Art Imqaddsa!

Il-ġabra fil-Knisja Parrokkjali:  €1430.44

fil-Knisja Nazzarenu:   €  394.83

fil-Knisja Sant’Anton: €  360.86

Total                                         €2186.13

Feb 18

Il-Bullettin tal-Hadd – 21st February

Posted by admin

BULLETTIN

PARROĊĊA MARIJA BAMBINA

XAGĦRA – GĦAWDEX

21-02-2010

UREJNA ĠENEROŻITA` KBIRA!…….Wasalna €15,068

Għall-ġabra tar-Restawr tal-knisja ntweriet il-ġenerożita` tal-poplu tax-Xagħra, li għal darb’oħra ma baqax lura biex igħin.  Is-somma s’issa laħqet €15,068.  Kull familja għamlet sagrifiċċju, u dak li tat, tagħtu mill-qalb.  Din is-sena, il-ġabra hija waħda speċjali, għaliex fi ftit ġimgħat oħra, il-Knisja- Santwarju ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Mbierka, ikollha sistema ta’ “seating” adattat biex wieħed joħloq l-ambjent u d-disponibilita` għall-kelma u għall-Ewkaristija.  Żgur li meta l-poplu tagħna ser jara l-bidla u l-qabża kbira li ser issir, ser ikompli jgħin sabiex inkunu nistgħu nlaħħqu mal-ispiża meħtieġa.

€100 toffru wieħed mill-400 siġġu ordnati! Komplu faddlu, biex min għandu din ix-xewqa, jagħti sehemu.  Imitaw l-eżempju sabiħ ta’ ħafna familji li wrew imħabba u ġenerożita` waqt il-prova.

a)      Grazzi lis-saċerdoti: Dun Ġużepp Sultana, Dun Salv Sultana, Dun Anton Refalo Rapa, Dun Jesmond Gauci, Dun Ġorġ Farrugia, li flimkien mal-Arċipriet, il-membri tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet u helpers, ħarġu jagħmlu din il-ġabra u jilqgħu l-offerti tagħkom.

b)      Grazzi lil dawk li għenu bl-offerti tagħhom. Inħeġġu lil dawk il-familji, madwar (300), li ma sibnihomx id-dar, biex javviċinaw lil xi saċerdot jew lill-Arċipriet biex iwasslu offerta xierqa.

Sr. Dimetria Sciberras

Sr. Dimetria Sciberras twieldet ix-Xagħra fis-sena 1926. Hija ħalliet dan il-wied tad-dmugħ nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Frar 2010 fil-Casa Madre tar-Rabat Għawdex.  Hija kienet bniedma veru Franġiskana u għexet sal-aħħar ta’ ħajjitha f’dan l-ispirtu, u bl-istess tbissima ħalliet din l-art, tirrepeti, kif kienet dejjem tagħmel il-ġakulatorja sabiħa: “Ġesu` jien inħobbok, għax naf li inti tħobbni”. Kienet bniedma spiritwali ħafna, u meta kienet tkun taf li hemm il-kwaranturi f’xi bażilika ta’ Ruma jew f’xi parroċċa ta’ Għawdex, ma kinitx tqis l-ebda sagrifiċċju jew għejja, għax wara x-xogħol tal-kċina kienet titlaq tiġri kollha ferħana biex tagħmel fil-kwiet l-Adorazjoni Ewkaristika.

Il-Mixja tar-Randan: “Duru lejja b’qalbkom kollha”

  • Irtir Grupp Vokazzjonijiet: L-irtir tar-Randan 2010 qed isir f’dawn il-jiem f’Mount St. Joseph Malta.  Ejjew nitolbu lill-Mulej biex minn dan il-grupp ta’ ġuvnotti toħroġ xi vokazzjoni reliġjuża jew saċerdotali għal din is-Sena Saċerdotali.  Itolbu lil Sid il-ħsad jibgħat ħaddiema fl-għalqa tiegħu.
  • L-Ewwel Pellegrinaġġ Penitenzjali Parrokkjali. Il-Ġimgħa 26 ta’ Frar, ser isir pellegrinaġġ mill-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati bix-xbieha devota ta’ Ecce Homo – Ġesu` nkurunat bix-xewk.  Nitilqu fis-5.45pm u mal-wasla fil-Bażilika ssir quddiesa fis-6.30pm.
  • Talb tas-Salmi: Illum fl-4.15pm fil-Bażilika jkollna t-talb tas-salmi bil-Malti. Dan hu mod ieħor kif nitħejjew għall-Għid il-Kbir.
  • Siegħa ma’ Marija Addolorata: Kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3.00pm. qed isiru meditazzjonijiet sbieħ u talb  flimkien ma’ Marija, l-Omm tagħna tad-Duluri, wieqfa ħdejn is-salib ta’ Binha Ġesu`.
  • Nieħdu sehem: Purċissjoni Pageant għat-tfal u studenti: Kellmu lill-membri tal-Grupp Vokazzjonijiet. Purċissjoni Pageant Ġimgħa l-Kbira: Kellmu lil Ġanni Attard u lil xi membri tal-Kumitat Għid u Ġimgħa l-Kbira. Pageant tal-Għid: Neħtieġu ħafna nies biex jieħdu sehem. Kellmu lil Marvic Bajada.

Song Festival Marjan

Il-Leġjun ta’ Marija ser jorganizza s-Song Festival Marjan fl-Oratorju Don Bosco nhar is-Sibt 8 ta’       Mejju 2010.  Dan hu miftuħ għall-kantanti Għawdxin minn 10 snin ۥl fuq u għall-korijiet.  Applikazzjonijiet u dettalji oħra jinkisbu mill-Post tal-Leġjun, Pjazza Santu Wistin, Victoria kull nhar ta’ Tlieta bejn il-5.00pm. u s-6.00pm.

Tagħrif Interessanti

  • “MALTA jew hi Malta Nisranija jew M’hi Malta xejn”: Dawk kollha li jixtiequ kopja ta’ katekeżi Pawlina bi tħejjija għaż-żjara tal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI fostna, huma mitluba jikkuntattjaw lir-Radju Marija jew lill-Arċipriet.  Tistgħu tibgħatu CD tal-Paniġierku tan-Nawfraġju ta’ San Pawl li sar fl-10 ta’ Frar 2010 fl-okkażjoni tas-Sena Ċentinarja fil-Belt Valletta, lill-għeżież emigranti tagħna.
  • CD “Is-Saċerdoti Tagħna”: Il-bieraħ fl-Istudjos ta’ Radju Marija fir-Rabat Malta, ġie llanċjat l-Innu b’dedika lis-saċerdoti tagħna u bl-iskop li tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-vokazzjonijiet.  Akkwistaw kopja li tinsab għall-bejgħ fl-Uffiċċju Parrokkjali Xagħra jew miċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet Xagħra.
  • Adorazzjoni fil-Kappella taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ kull nhar ta’ Ħadd matul ir-Randan bejn it-8.00pm. u d-9.30pm.
  • Nhar it-Tlieta 23 ta’ Frar ser issir il-laqgħa ta’ Padre Pio fl-Oratorju tal-Passjoni fl-4.00pm.
  • Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Frar, fis-7.30pm. ser issir il-laqgħa għal dawk li żżewġu dan l-aħħar 5 snin, fl-Uffiċċju Parrokkjali.
  • Appell biex isir il-vaċċin għall-influwenza HINI, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem

Il-familji Cini u Refalo joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż ħuhom Joe Bartolo, li miet il-Kanada.