BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
14-03-2010
“0 ĠUŻEPPI MISSIER TAGĦNA”
Nhar il-Ġimgħa l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Ġużepp, ir-raġel ġust u safi tal-Verġni Mbierka. Id-19 ta’ Marzu, huwa l-jum li fih niftakru fil-“kustodju u l-Ħarries tar-Redentur”, San Ġużepp. Hekk isejjaħlu l-Papa Ġwanni Pawlu II. Il-parroċċa tagħna hi xxurtajta għaliex hija marbuta u orjentata lejn l-Ewkaristija li minnha tieħu l-qawwa fil-Missjoni tagħha, filwaqt li tpoġġi lil Marija u Ġużeppi bħala l-mudelli l-aktar sbieħ tagħha, jiġifieri tpoġġi lil Marija Bambina Patruna tal-komunitaۥ tagħha u lil San Ġużepp Kompatrun ta’ din il-komunita`. Ejjew inħarsu dan il-jum b’imħabba speċjali waqt li nagħtu l-festa t-tajba lil dawk kollha li jġibu l-isem ta’ dan il-qaddis. Fil-Bażilika l-quddies ikun fil-5.00am., 6.00am., 7.00am., 8.30am., 9.45am., 11.00am., 4.30pm., u fis-6.30pm.
“O Ġużeppi Missier tagħna b’talbek ieqaf dejjem magħna”.
Eżerċizzi 2010
Ejjew inroddu ħajr lill-kbir Alla għaliex il-poplu tagħna għadu jħoss il-għatx għall-Kelma t’Alla. Ħafna rrispondew billi attendew għall-Eżerċizzi tal-familja. Issa jmiss l-Eżerċizzi għal kulħadd, kemm fil-Bażilika kif ukoll fin-Nazzarenu. Huma l-Eżerċizzi għal Kulħadd li għalihom jista’ jattendi kulħadd!
Fil-Knisja ta’ Ġesu` Nazzarenu
Minn għada t-Tnejn sal-Ġimgħa ser isiru l-Eżerċizzi għal kulħadd mill-Kan. Dun Mikiel Borg. Ħin fis-7.15pm. It-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa (matul ir-Randan) fil-5.30am. ikun hemm is-Salmi Ta’ Sbieħ il-Jum. Adorazzjoni Ewkaristika: It-Tlieta u l-Ġimgħa jkun hemm adorazzjoni mit-3.00pm sas-6.30pm., u il-Ħamis issir adorazzjoni għall-qdusija tas-saċerdoti u l-vokazzjonijiet mis-7.00pm sat-7.45pm.
Pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu
Illum fis-Santwarju Ta’ Pinu jsir il-pellegrinaġġ tar-Randan lejn l-Għid il-Kbir. Dan hu l-pellegrinaġġ tal-Parroċċa tagħna f’riġlejn il-Madonna. Trasport mill-Pjazza fis-1.30pm. Fis-2.00pm. Via sagra fis-Santwarju, u fis-2.30pm quddiesa mill-Arċipriet Carmelo Refalo. Ejja…..Ejja….f’riġlejn Marija biex naslu għand Ġesu`.
Duttrina u Katekiżmu
Nhar l-Erbgħa fid-Domus Curialis ser issir laqgħa mportanti għal dawk kollha nvoluti fit-tagħlim tal-katekiżmu tat-tfal u tal-istudenti. Ser issir evalwazjoni tal-formazzjoni nisranija tat-tfal tal-parroċċa. Ħadd mill-katekisti m’għandu jonqos. Nibdew fil-4.45pm.
Appell: Nagħmlu appell lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb l-attendenza regulari u puntwali ta’ wliedhom. It-tfal tal-Yr. 5 u 6 għandhom bżonn attendenza serja biex jitilgħu klassi oħra.
Ċelebrazzjoni Penitenzjali għall-Koppji
Bħala parti mit-tħejjija għall-Għid, il-koppji li jiltaqgħu f’żewġ gruppi separati nhar ta’ Sibt, u l-
koppji li żżewġu dawn l-aħħar ħames snin, ser ikollhom ċelebrazzjoni tal-Qrar flimkien fil-Bażilika, nhar is-Sibt 20 ta’ Marzu fit-8.00pm. Ejja nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni tal-Maħfra u l-Paċi li l-Mulej jagħtina.
Min se jifridna mill-Imħabba ta’ Krisru?
Eżerċizzi għal persuni separati u persuni li jinsabu fit-tieni relazzjoni. Il-Knisja f’Għawdex tistieden lill-persuni separati, irġiel jew nisa, u lil dawk li jinsabu fit-tieni relazzjoni, għal kors ta’ eżerċizzi li ser isir apposta għalihom. Il-kors ser isir mit-Tnejn 22 ta’ Marzu sal-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010, f‘Dar Manresa, mis-7.00pm. sat-7.45pm. Il-Predikatur ser ikun Fr. René Camilleri. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.
Tagħrif Importanti
• Sezzjoni tal-Wegħdi: Dawk li jieħdu sehem fis-sezzjoni tal-wegħdi, huma mitluba jikkuntattjaw lil Carmel Sultana fuq il-Mob. 99494054 mill-aktar fis possibbli.
• Tfal fil-Purċissjoni: Ser issir laqgħa għal dawk it-tfal minn Yr.3 ۥl fuq li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-laqgħa ser issir il-Ħadd 14 ta’ Marzu fit-9.00am. fl-Azzjoni Kattolika tan-Nisa.
• Radju Bambina qed iħejji skeda speċjali għar-Randan u l-Għid il-Kbir. Żuru l-websajt www.xagħraparish.org u agħti l-kummenti tiegħek.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
• Emanuel Camilleri u l-familja joffru € 12 b’suffraġju tal-għażiża martu u ommhom Maria Camilleri.
• L-aħwa Buttigieg joffru €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom Salvina u M’Angelo Buttigieg u l-għażiża oħthom Maria Buttigieg.
No related posts.
