Xaghra Parish
Mar 5

Il-Bullettin tal-Hadd – March 3

Posted by admin

BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
7 – 03-2010

EŻERĊIZZI FAMILJA RANDAN 2010
Bejn għada t-Tnejn 8 ta’ Marzu u l-Ġimgħa 12 ta’ Marzu 2010, fil-Knisja Bażilika ser isiru l-Eżerċizzi Spiritwali tant mistennija fil-qalba tar-Randan Imqaddes. L-istedina għal dawn l-Eżerċizzi għandha tolqot lil kull min igħożż il-familja u għandu x-xewqa li jġedded fi Kristu l-ħajja taż-żwieġ. Il-Kelma t’Alla din is-sena, ġiet afdata f’idejn Fr.René Camilleri, predikatur magħruf, li ġej fostna minn Malta biex iwassal il-messaġġ tar-Redenzjoni. Issa jmiss lilna lkoll li nżommu l-appuntament mal-Kelma t’Alla. Żgur li l-infern jinfetaħ biex jikkumbatti u jtellef il-laqgħa mal-Kelma t’Alla. Ejjew inħeġġu oħrajn sabiex jattendu bi ħġarhom. Issa hu l-jum it-tajjeb, issa hu ż-żmien tas-salvazzjoni. Il-Papa Benedittu XVI qalilna li “Ir-Randan għandu jkun irtir kontinwu”……..kif tista’ ma tattendix għall-Eżerċizzi tar-Randan?

Is-Seminarju – il-Ġabra waqt l-Eżerċizzi tar-Randan
Matul l-Eżerċizzi jkollna l-ġabra l-kbira għas-Seminarju. Dan hu appuntament annwali li fih il-karita` tar-Randan tissarraf f’offerta ġeneruża biex ngħinu fil-formazzjoni ta’ dawk li ser ikunu s-saċerdoti ta’ għada. Il-Ħamis issir din il-ġabra mis-seminaristi. Il-morda u dawk li ma jistgħux jattendu jagħmlu mezz biex iwasslu s-sehem tagħhom, ħalli nagħmlu offerta li tixraq lis-Seminarju.

Il-Ministeru tal-Lettorat
Il-Ħadd li għadda, 28 ta’ Frar 2010, fil-Knisja Arċipretali ta’ Sannat, l-E.T. Monsinjur Isqof Mario Grech, ta l-Ministeru tal-Lettorat lis-seminarista mill-parroċċa tagħna, Mark Bonello. Dan huwa pass ieħor lejn is-Sagrament tas-Saċerdozju għal dan iż-żagħżugħ.

Il-Prietka tal-Via Sagra
Illum il-Ħadd fis-6.00pm. fil-Knisja Bażilika, ser issir il-prietka tal-Via Sagra, b’meditazzjoni mis-seminaristi u bis-sehem tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet. Inħeġġu biex ħafna jagħmlu l-meditazzjoni tal-Via Crucis u tal-Via Matris. Illum ukoll ser ikun hemm Adorazzjoni fis-skiet, fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ, bejn it-8.00pm u d-9.30pm. Esperjenza sabiħa li tkompli tibnina fil-mixja tar-Randan Imqaddes.

Pellegrinaġġ Redentur – Ħarġa għal Malta
Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu, vaganza pubblika, il-parroċċa tagħna flimkien mal-Arċipriet qed torganizza ħarġa għal Malta. Ikollna l-quddiesa f’riġlejn ir-Redentur tal-Isla, inżuru Bay Street, Buġibba, il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat Malta, kif ukoll is-suq. Aħsbu għall-biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali.

Ġej il-Papa
Iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta f’April li ġej, qed toqrob ġmielha. Dawk kollha li huma nteressati li jużaw it-trasport, huma avżati li d-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza trasport għal dawk li ser imorru filgħodu il-Ħadd 18 t’April 2010 għall-quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana, u trasport għal dawk li ser imorru għaċ-ċelebrazzjoni taż-żgħażagħ fuq il-Water Front, fix-xatt tal-Belt. Intom mitluba tiġbru l-formoli mill-Uffiċċju Parrokkjali u timlewhom biex issir l-organizazzjoni tat-trasport.

Xi Tagħrif
• Ħniena Divina: Illum il-Ħadd ser isir irtir tal-Ħniena Divina fil-Kunvent ta’ Sant’ Wistin li jibda fid-9.00am. Trasport mill-Pjazza fit-8.30am.
• Qari tas-Salmi: Illum fl-4.15pm. isir it-talb tas-Salmi bil-Malti mill-Kapitlu u l-Kleru flimkien mal-poplu.
• Żwiġijiet 2010: Dawk il-koppji li ser jiżżewġu matul is-sena 2010, ser ikollhom laqgħa mportanti għalihom għada t-Tnejn 8 ta’ Marzu fit-8.15pm., fl-Oratorju tal-Passjoni. Jattendu wkoll dawk li ser jiċċelebraw iż-żwieġ barra mill-parroċċa.
• Pellegrinaġġ għal Ta’ Pinu: Il-Ħadd li ġej 14 ta’ Marzu, fit-3.30pm. ser jitlaq pellegrinaġġ mill-Parroċċi tax-Xagħra u tan-Nadur lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Fil-4.15pm. iż-żewġ Parroċċi jiċċelebraw quddiesa flimkien f’riġlejn il-Madonna.

Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
• Antonietta Buttiġieġ u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Ruman Buttigieg.
• Maria Magrin u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiża ommha Franġiska Vella.
• Antionette Xerri u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż missierha Joe Sultana.

No related posts.