BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
28-02-2010
“IKOLLOK ĦNIENA MINNI O ALLA”
Ir-Randan huwa żmien ta’ Riflessjoni, żmien li fih nagħtu aktar spazju għal Alla fil-ħajja tagħna. Żmien li fih nagħarfu jekk aħniex ngħixu jew neżistu. Żmien li fih inħallu d-dawl tal-Ispirtu ta’ Alla jdawwal ir-riflessjoni tagħna. Fuq kollox huwa żmien ta’ sinċerita`.
“Ikollok ħniena minni O Alla
fi tjubitek fil-kobor tal-ħniena tiegħek
Ħassar ħtijieti”
“Issa hu ż-żmien it-tajjeb, issa hu ż-żmien tas-Salvazzjoni.” Ħafna nies intebħu u stenbħu u bdew jattendu għall-quddies ta’ kuljum, diġa’ programmati biex jiġu l-EŻERĊIZZI SPIRITWALI, għandhom għal qalbhom il-meditazzjoni tal-Via Sagra. Nagħmlu appell lil ħafna li għadhom fil-bruda biex jiftħu għajnejhom u jistembħu min-nagħas tagħhom….issa hu ż-żmien it-tajjeb!”
Ir-Randan …..matul din il-ġimgħa
- Talb tas-Salmi: Illum il-Ħadd fl-4.00pm. fil-Bażilika jsir it-talb tas-Salmi mill-Kapitlu u l-poplu.
- Irtir għall-Koppji Miżżewġa: Illum f’Dar Stella Maris iż-Żebbuġ, numru sabiħ ta’ familji qed jagħmlu l-Irtir tal-Għid.
- L-Ewwel Qrara: Nhar l-Erbgħa 3 ta’ Marzu, fil-5.00pm. ser issir l-Ewwel Qrara lil numru ta’ tfal subien u bniet li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Importanti ħafna li l-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu preżenti u jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.
- M.U.S.E.U.M. tal-Bniet: Matul din il-ġimgħa, is-soċji bniet tal-M.U.S.E.U.M. għandhom l-Eżerċizzi Spiritwali għalihom. Għalhekk matul din il-ġimgħa t-tfal ma jkollhomx duttrina.
- Aħsbu għall-Eżerċizzi Spiritwali: Nhar it-Tnejn 8 ta’ Marzu nibdew l-Eżerċizzi speċjali għall-miżżewġin. Jippriedka Fr. René Camilleri.
- Adorazzjoni fis-Skiet: Kull nhar ta’ Ħadd, matul ir-Randan, fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ikun hemm adorazzjoni fis-skiet bejn it-8.00pm. u d-9.30pm. Ejja u ara.
- Pellegrinaġġ tar-Redentur: Nhar il-Ġimgħa li ġejja, il-parroċċa tagħna ser torganizza t-tieni pellegrinaġġ. Din id-darba mill-Knisja ta’ Ġesu` Nazzarenu, fejn fis-6.00pm. issir quddiesa kkonċelebbrata, u wara jitlaq il-pellegrinaġġ minn quddiem il-knisja bix-xbieha devota ta’ Ġesu` Redentur għall-Bażilika, fejn mal-wasla tingħata l-Barka Sagramentali. L-aħħar quddiesa fil-Bażilika tkun fis-6.00pm.
Is-Seminarista Mark Bonello
Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Margerita ta’ Sannat, illum fl-4.00pm., l-E.T. Monsinjur Mario Grech Isqof t’Għawdex, jagħti l-Ministeru tal-Lettorat lil żewġ seminaristi, wieħed minnhom iben din il-parroċċa Mark Bonello, iben Saviour u Emanuela Bonello. Nifirħu mal-familja tiegħu, familjari u mal-Knisja kollha li qed tafda l-ministeru tal-Kelma fix-xandir tagħha lil dan iż-żagħżugħ. Inħeġġu ħafna nies biex jattendu, filwaqt li din l-okkażjoni tkompli tħeġġiġna biex nitolbu aktar għall-vokazzjonijiet.
Ir-Redentur tal-Isla
Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu, il-parroċċa tagħna ser torganizza ġita għal Malta. L-Arċipriet ser imexxi ċelebrazzjoni u quddiesa waqt li nżuru r-Redentur tal-Isla. Tkun okkażjoni biex inżuru s-suq ta’ Marsaxlokk, postijiet ta’ nteress u l-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat ta’ Malta.
Bazaar Kbir tal-Għid
Neħtieġu voluntiera biex igħinu fil-bazaar tal-qassatat u figolli. Fl-Uffiċċju Parrokkjali tistgħu ġġibu pakketti tal-margerina(stork), intrita, dqiq, zokkor, żbib, vanilla, bajd, etc….Il-qassatat speċjali tal-Għid huma mfittxija ħafna! Jekk hemm xi nies li jixtiequ joffru kejkijiet plain, pastini, kwariżimal,qassatat li jistgħu jsiru fid-djar, tkun qed tgħin ħafna!
Tagħrif Importanti
v Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet qed iħejji għall-Purċissjoni Pageant tat-tfal nhar Ħadd il-Palm. Ġenituri ħeġġu lil uliedkom jieħdu sehem. Kellmu lill-membri tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet.
v Il-Kulleġġ t’Għawdex, Primarja Xagħra qed tilqa’ applikazzjonijiet għad-dħul fil-klassijiet tal-Pre Kinder (it-tfal li twieldu fis-sena 2007) Kinder u Year 1 li tibda f’Settembru / Ottubru 2010. Il-ġenituri jieħdu magħhom iċ-ċertifikati tat-twelid, il-ktieb tat-tilqim u l-ID Cards tal-ġenituri.
v Magħmudija:Dawk il-ġenituri li se jkollhom magħmudija fix-xhur li ġejjin, huma mitluba li jmorru jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali.
v Neħtieġu: Dawk il-familji li għandhom sandlijiet tat-tfal u tal-kbar li m’għadhomx jużawhom, jistgħu jieħduhom lil xi membri tal-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira jew fl-Uffiċċju Parrokkjali.
v CD ġodda: Akkwista u ibgħat lill-emigranti CD tal-Banda Victory-Marċi Funebri; CD tal-Paniġierku ta’ San Pawl fil-Belt Valletta; CD – “Lis-Saċerdoti tagħna”- l-innu lis-saċerdoti f’din is-Sena Saċerdotali…produzjoni tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet.
Il-Ġabra tal-Art Imqaddsa!
Il-ġabra fil-Knisja Parrokkjali: €1430.44
fil-Knisja Nazzarenu: € 394.83
fil-Knisja Sant’Anton: € 360.86
Total €2186.13
No related posts.
