BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
12-02-2012
KELMA TAL-ARĊIPRIET: NITĦEJJEW GĦAR-RANDAN
Mal-Bullettin tal-ġimgħa d-dieħla, ser tirċievu l-programm li jakkumpanjana sabiex nissaħħu u niġġeddu spiritwalment għall-akbar ċelebrazzjoni tan-Nisrani – L-Għid il-Kbir. Iż-żmien tal-erbgħin jum ta’ tħejjija għandhom l-iskop li jagħmlu minn kull wieħed u waħda minna Nisrani ta’ Kwalità. “This is the Night” huwa t-titlu tal-kanzunetta li ġiet iklassifikata fl-ewwel post. L-isem ta’ din il-kanzunetta jfakkar li ż-żmien tar-Randan ser jippreparana għall-lejl tal-iljieli, il-lejl Qaddis, il-lejl li nbidel fid-dawl tal-Jum u tal-Ħajja. Inħeġġukom tilqgħu dan il-programm stedina u żżommu l-appuntamenti għat-talb tas-Salmi, għall-Eżerċizzi, għall-pellegrinaġġi, u fuq kollox għaċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-Jum tal-Ħadd.
Ġabra tal-Gandlora…….€6729.20
Nhar is-Sibt li għadda, saret il-ġabra għar-restawr tal-knisja. Taraw b’għajnejkom ix-xogħol fil-konservazzjoni tal-Pittura u tal-Induratura li qed issir fuq l-altar tal-Martri San Lawrenz. Is-Sena 2012, jekk Alla jrid ser twassal lill-Knisja Bażilika li jkollha restawrati s-sitt kopletti tan-navi, il-Kappella tal-Bambina, u ħames altari tal-ġnub; proġett li kollu sar bil-ġenerożità u bis-sagrifiċċji mhux żgħar tal-POPLU TAX-XAGĦRA. Għinuna nkomplu…dawk in-nies li ma sibnihomx id-dar, morru fl-Uffiċċju Parrokkjali biex tiġbru x-xemgħa tal-Gandlora u agħmlu l-offerta ġeneruża tagħkom. Naħdmu sabiex il-knisja tinżamm fid-dinjità u s-sbuħija li tixirqilha.
Iż-Żjara tal-Madonna
Nhar is-Sibt 11 ta’ Frar, tajna bidu għat-tifkira tad-dehriet tal-Madonna lil Bernardetta ġewwa Lourdes. Naqbdu l-kuruna u ngħidu din it-talba tar-Rużarju, li l-Madonna tant talbitna biex ngħidu. Santa Bernardetta ftit qabel mietet qaltilna “Jien mhux ser ninsiekom”. Il-qaddisin jidħlu għalina quddiem Alla.
100 Sena Magħna
Fil-Ġimgħa Mqaddsa ser issir wirja ta’ kurċifissi devoti u artistiċi, biex infakkru l-miġja fostna tal-Kurċifiss tal-Vara l-Kbira (1813-1913). Bi tħejjija għal dan l-avveniment inti tista’ tieħu sehem u tgħidilna jekk tixtieqx li nesibixxu l-kurċifiss antik jew modern li għandek id-dar.
MARĊELLINO “Fix-Xagħra”
Nhar id-9, 10 u 11 ta’ Marzu 2012 ser issir attività mtella’ mill-Grupp Vokazzjonijiet tax-Xagħra.
Adorazzjoni
- Talb għall-Vokazzjonijiet: Nhar il-Ħamis fis-7.00pm ikollna siegħa ta’ Adorazzjoni b’talb għall-vokazzjonijiet. Nitolbu għas-seminaristi tad-Djoċesi, partikularment għas-Sem. Daniel Meilaq u dawk Xagħrin, Djaknu Mark Bonello, Sem. Daniel Sultana, Sem. Mario Curmi (sena intermedjarja), Sem. Joseph Hili.
- Hawn bżonn Ħafna Talb: Adorazzjoni fil-Kappella tas-Sagrament mit-Tnejn sal- Ġimgħa mid-9.00am sa 12.00pm u mill-5.00pm sas-6.30pm.
- L-Ewwel Ġimgħa tax-xahar: Il-Jum kollu sal-10.00pm..
- It-Tielet Ġimgħa tax-xahar: Il-Jum kollu.
- Il-Quddiesa ta’ Kuljum…sa fejn tista’, titilfuhiex.
- Id-Duttrina….attendu regulari u fil-ħin.
- Adulti: Issieħbu malajr fil-gruppi/komunitajiet.
Il-Knisja tagħna hi ċentru ta’ talb u spiritwalità
Ġbir tad-Demm
Illum ser isir il-ġbir tad-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex mit-8.30am sas-1.00pm. Min hu f’saħħtu jista’ jirrispondi għal din is-sejħa. Kull min imur, irid jieħu miegħu l-Karta tal-Identità
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Marija Teuma u wliedha Michael u Mario joffru €15 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Fortunato Teuma.
BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
05 -02-2012
L-10 TA’ FRAR
Wasal il-jum li jfakkarna fil-miġja fostna tal-Appostlu Missierna San Pawl. Dan hu l-jum li fih bħala nazzjon għandna nieqfu f’dan il-Jum Nazzjonali biex fih inroddu ħajr lil Alla għar-rigal tal-Fidi Nisranija. Illum kulħadd jitkellem minn art twelidna bħala stat lajk, jiġifieri pajjiż li jkollu distinzjoni netta bejn Knisja u Stat. Dan it-tip ta’ divorzju jew separazjoni trid tiġi studjata biex id-deċiżjoni li jieħu pajjiż ma tkun qatt deċiżjoni ta’ min irid iqaċċat l-għeruq jew jikkanċella l-memorja u jpoġġi lill-ġenerazjoni l-ġdida fi stat ta’ dimenżja, billi jnessi dak li l-Knisja u r-Reliġjon fissru u wettqu fin-nazzjon Malti. Illum, in-nisrani Malti u Għawdxi qed jiġi msejjaħ biex igħix il-Fidi tiegħu bħala adult u b’maturità, anke jekk mhux mgħejjun mill-kuntest politika soċjali u kulturali ta’ pajjiżna. L-10 ta’ Frar hu jum it-tifkira daqskemm hu jum ta’ mpenn serju lejn il-futur tar-Reliġjon f’pajjiżna. Nibqgħu ngħallmu r-Reliġjon Kattolika fl-iskejjel tagħna, ġaladarba pajjiżna huwa magħmul minn tfal ta’ nazzjonalità u reliġjon differenti. Ser nibqgħu nħarsu l-ħajja sa mill-ġuf tal-omm anke jekk l-“abort” jiġi legalizzat? Ser nibqa’ nippratikka l-Fidi anke meta l-Kattoliċi prattikanti Maltin ser ikunu f’minoranza? Din hi s-siegħa tal-konverżjoni. Int lest biex tkun nisrani ta’ veru, jiġifieri nisrani ta’ kwalità, li jsarraf aktar minn dak ta’ snin l-imgħoddija, għaliex meħlus mill-ventijiet tradizjonali, politiċi u kulturali tal-imgħoddi?
Il-Festa tal- Appostlu Missierna San Pawl:
Ħinijiet tal-quddies fil-Bażilika fl-10 ta’ Frar: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am, 9.45am, 11.00am, 4.30pm u fis-6.30pm. Hemm l-obbligu sagrosant tal-quddies.
Jum il-Ħajja
Din is-sena, Dar Ġużeppa Debono ser tfakkar Jum il-Ħajja b’sensiela ta’ attivitajiet ċelebrattivi u formattivi bit-tema Żgħażagħ miftuħa għall-Ħajja. Iċ-ċelebrazzjoni prinċipali, illum il-Ħadd 5 ta’ Frar, ser issir f’Ta’ Pinu, u tibda fl-4.00pm b’mixja minn ħdejn is-siġra b’disa’ waqfiet qosra li jissimbolizzaw kull xahar tat-tqala fil-ġuf. Fil-5.00pm Mons. Isqof Mario Grech imexxi Konċelebrazzjoni fis-Santwarju Ta’ Pinu. Is-Sibt ta’ wara, 11 ta’ Frar, fis-2.00pm, ser issir laqgħa għaż-żgħażagħ f’Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem, li fiha Dun Richard N. Farrugia u l-ġinekologa Dr. Margaret Spiteri jitkellmu fuq l-aspett spiritwali u mediku tal-valur tal-ħajja. Ejjew iċċelebraw il-ħajja magħna!
Grazzi mill-Qalb lis-Superjura Rita Sacco
Wara kważi ħmistax-il sena ta’ ħidma b’vokazzjoni ta’ ħajja mogħtija kompletament lil Alla bħala katekista tal-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet, is-superjura Rita Sacco ġiet imsejħa sabiex taqdi fil-Parroċċa tan-Nadur. Rita ħadmet id f’id mal-parroċċa kemm fi żmieni kif ukoll fi żmien l-Arċipriet Emeritus Eucharistico Sultana, u għalhekk bil-qalb inroddulha ħajr ta’ kull ma wettqet ma’ wliedna fl-ispirtu ta’ San Ġorġ Preca.
L-E.T. Mons. Joe Bonello Isqof ta’ Juticalpa
Iben ix-Xagħra li sena ilu kien maħtur bħala Isqof Koadjatur ta’ l-Isqof Mauro Muldoon OFM issa qed jieħu postu l-Isqof Joe Bonello OFM, wara li l-Isqof Muldoon, minħabba raġunijiet ta’ saħħa kellu jirtira. Niftakru l-Isqof Joe Bonello fit-talb u fl-għajnuna għall-Missjoni tiegħu, waqt li nifirħu max-Xagħrin u mal-Knisja kollha. Ad Multos Annos.
Grazzi
Grazzi lill-poplu tax-Xagħra li huwa poplu ġeneruż.
Ġabra Siġġijiet tal-knisja (Strina 2012): €1714
Ġabra “L-Art Imqaddsa”-Parroċċa: €1869.36
Nazzarenu: € 233.65
Sant’Anton : € 170.00
Total: €2273.01
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Rita Xuereb u wliedha joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż missierha u nannuhom Emanuel Cremona.
BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA –GĦAWDEX
29-01-2012
IL-GANDLORA
Għaddew erbgħin jum mill-festa tal-Milied Imqaddes. Nhar il-Ħamis 2 ta’ Frar, hija l-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Inħarsu dan il-jum bis-smigħ tal-quddies u t-tqarbina. Fis-6.00pm. niltaqgħu ħdejn il-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet fi Triq Jannar. Isir it-tberik tax-xemgħa u l-qari tal-Evanġelju. Fis-6.30pm Konċelebrazzjoni bil-preżentazzjoni tat-tfal ta’ Year 3 li din is-sena ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina.
Ġabra tal-Ġandlora
Il-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin ser issir il-ġabra tal-Gandlora għar-restawr tal-knisja. Ninsabu fir-restawr tal-aħħar altar u kopletta, jiġifieri dak ta’ San Lawrenz. Jonqosna madwar €9,000 biex isir dan ix-xogħol ta’ restawr tal-pittura u tal-induratura. Agħmlu offerta mill-qalb u kif tistgħu.
L-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar
Ġesὺ Ewkaristija qed isejħilna aktar biex niġu f’riġlejH u nadurawH fis-Sagrament tal-Altar. Kull filgħodu bejn id-9.00am u nofs inhar, Ġesὺ jkun espost fil-kappella tas-Sagrament, waqt li filgħaxija l-Adorazzjoni tibda wara l-quddiesa tal-4.30pm. Nhar il-Ġimgħa l-Adorazzjoni tibqa’ sejra l-jum kollu u l-knisja tibqa’ miftuħa sal-10.00pm għal dawk in-nies li fis-sigħat l-oħra jkunu xogħol. Inħeġġukom tattendu biex tieħdu qawwa u grazzja li Ġesὺ jxerred mit-Tabernaklu.
San Ġwann Bosco….Prottetur taż-Zgħażagħ
Nhar it-Tlieta 31 ta’ Jannar niċċelebraw il-festa tal-Prottetur tat-tfal u taż-żgħażagħ, San Ġwann Bosco. Fil-Bażilika, fis-6.30pm ikollna quddiesa b’talb għaż-żgħażagħ.
Jum il-Ħajja
Din is-sena, Dar Ġużeppa Debono ser tfakkar Jum il-Ħajja b’sensiela ta’ attivitajiet ċelebrattivi u formattivi bit-tema Żgħażagħ miftuħa għall-Ħajja. Iċ-ċelebrazzjoni prinċipali, il-Ħadd 5 ta’ Frar, ser issir f’Ta’ Pinu, u tibda fl-4.00pm b’mixja minn ħdejn is-siġra b’disa’ waqfiet qosra li jissimbolizzaw kull xahar tat-tqala fil-ġuf. Fil-5.00pm Mons. Isqof Mario Grech imexxi Konċelebrazzjoni fis-Santwarju Ta’ Pinu. Is-Sibt ta’ wara, 11 ta’ Frar, fis-2.00pm, ser issir laqgħa għaż-żgħażagħ f’Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem, li fiha Dun Richard N. Farrugia u l-ġinekologa Dr. Margaret Spiteri jitkellmu fuq l-aspett spiritwali u mediku tal-valur tal-ħajja. Ejjew iċċelebraw il-ħajja magħna!
Avviżi
- Grupp ta’ Padre Pio: Għada t-Tnejn 30 ta’ Jannar ser issir il-laqgħa ta’ Pade Pio fl-Oratorju tal-Passjoni fl-4.00pm.
- Santa Rita: Nhar il-Ħamis li ġej fit-8.30am jibdew il-Ħamisijiet ta’ devozzjoni tal-qaddisa tal-Impossibbli Santa Rita. Iqaddes Dun Mikiel Borg.
- Għall-Attenzjoni tal-Għarajjes: Il-Koppji għarajjes jiġu mfakkra biex jattendu regulari għall-kors/mixja ta’ fidi bi tħejjija għaż-żwieġ li ser jinżamm fil-knisja. Dawk il-koppji li ser jiżżewġu din is-sena barra mill-parroċċa, huma mitluba li jkellmu malajr lill-Arċipriet minħabba l-eżami ta’ qabel iż-żwieġ.
- Abbonament tal-“Leħen is-Sewwa”: Dawk li għadhom ma ġeddewx l-abbonament ta’ din il-ġazzetta huma mitluba li jmorru fl-Uffiċċju Parrokkjali biex igħidulhom humiex ser ikomplu jirċevuha jew le.
Mort ħdejn Padre Pio, ħdejn il-Papa?
Ruma – Assisi – Padre Pio: Ħafna nies għadhom jiftakru b’memorji u b’esperjenza spiritwali mill-isbaħ il-pellegrinaġġ/safra ġewwa Lourdes – il-Belt tal-Madonna. Din is-sena wkoll, il-parroċċa ta’ Marija Bambina, flimkien mal-Uffiċċju Parrokkjali u l-Arċipriet qed jorganizzaw diversi ħarġiet/safriet/pellegrinaġġi. Min hu nteressat jibda jipprenota fl-Uffiċċju Parrokkjali biex naraw x’talba għandna.
Settembru (wara l-festa) Tour ta’ tmint ijiem: Ruma-Assisi –San Ġiovanni Rotondo(Padre Pio).
Ħarġa għal Malta fid-19 ta’ Marzu 2012: Inżuru lir-Redentur tal-Isla – il-Festa ta’ San Ġużepp ġewwa r-Rabat – is-Suq ta’ Marsaxlokk.
Ejja magħna inti wkoll!
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Carmelo Grima u wliedu joffru €15 b’suffraġju tal-għażiża martu u ommhom Margaret Grima.
