BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
3-03-2013
IR-RANDAN ŻMIEN TA’ ŻABRA SPIRITWALI
Ir-Randan hu żmien ta’ żabra spiritwali, għaliex kif igħid il-Battista: “Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb trid titqaċċat u tinxteħet fin-nar..” Mt.3,10. Filwaqt li l Alla mhux ser jibqa’ lura milli jagħtina l-grazzja sabiex ngħixu dan il-proċess ta’ tisfija, aħna wkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna. Għalhekk nirrikmanda:
- Jitħares l-obbligu tas-sawm f’Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira minn dawk li għalqu t-tmintax u ma għalqux is-sittin sena, u l-obbligu tal-astinenza mil-laħam minn dawk li għalqu tmintax-il sena ‘l fuq.
- Inżommu d-drawwa tas-sawm u l-astinenza fil-ġimgħat tar-Randan, u ta’ kuljum infittxu xi ftit ġesti ta’ penitenza.
- Min mhux soltu jmur għall-quddiesa ta’ kuljum matul ir-Randan, jieħu l-impenn li almenu jattendi darba fost il-ġimgħa.
- Il-familja tinġabar fid-dar sabiex taqra silta żgħira mill-Evanġelju.
- Il-familja titlob flimkien bit-talba tar-Rużarju Mqaddes.
- Insibu l-ħin sabiex nagħmlu l-Via Sagra kuljum.
- Nagħmlu razzjon tal-ħin li ngħaddu quddiem it-televixin jew quddiem il-kompjuter u ngħadduh fil-qari ta’ kotba spiritwali.
- Infittxu li nieħdu sehem f’kors ta’ prietki tal-Eżerċizzi.
- Nagħmlu karità’ ma’ min hu fil-bżonn.
- Min jieħu r-Randan bis-serjetà’ jiġġedded hu, u jġedded l-ambjent ta’ madwaru.
(siltiet meħuda miċ-ċirkulari tar-Randan 2013 tal-E.T. Monsinjur Mario Grech Isqof t’Għawdex)
Prietka tal-VIA SAGRA
Nhar il-Ħamis, fis-7.00pm ser issir il-Prietka tal-Via Sagra bl-Adorazzjoni tas-Salib Imqaddes. Inħeġġu lil dawk li soltu jattendu kull nhar ta’ Ħamis flimkien ma’ oħrajn sabiex jieħdu sehem.
Kappella taċ–Ċimiterju
Bħalissa għaddej xogħol fuq il-kappella tac-Ċimiterju. Din is-sena daħal ammont ta’ ilma tax-xita, u għalhekk ħsibna li nkaħħluha minn barra, nirranġaw il-bejt u ninvjawha minn gewwa. Nagħmlu sejħa lil kull min jixtieq igħin.
Tlesta x-xogħol fis-Sagristija tal-Knisja
B’sodisfazzjon inħabbru li għadu kemm ġie fi tmiemu x-xogħol ta’ manutenzjoni, żebgħa u tibjit, tat-travi u l-ħitan tas-sagristija sabiħa u kbira tal-Bażilika. Ngħidu grazzi lil Marvic Xerri u lil Donald Galea li ħadmu fuq dan il-proġett.
Bazaar tal-Għid 2013
Beda x-xogħol marbut mal-Bazaar b’risq il-knisja tagħna. Dan hu l-uniku Bazaar li l-qligħ tiegħu jmur għall-bżonnijiet urġenti tal-knisja tagħna. Neħtieġu nies li jmiddu jdejhom u oħrajn li jgħinu billi joffru dqiq plain, zokkor, bajd, stork margarine, intrita, lumi, icing sugar, u passolina. Ħudu dan il-materjal fl-Uffiċċju Parrokkjali matul din il-ġimgħa.
Ġita Malta mal-Parroċċa
Nhar is-19 ta’ Marzu 2013 fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp ser issir Ħarġa Malta għall-familji kollha.
Programm:
7.00am: Tluq mill-Pjazza; 7.30am jitlaq il-vapur
9.30am: Żjara u quddiesa fil-Bażilika tal-Isla fejn hemm l-istatwa mirakuluża tar-Redentur
11.00am: Is-Suq ta’ Marsaxlokk
1.15pm: Tluq lejn l-Imdina il-Belt il-Qadima/Playingfield u Festa ta’ San Ġużepp r-Rabat
3.45pm: Nitilqu mir- Rabat
4.30pm: Vapur lejn Għawdex
Booking fl-Uffiċċju Parrokkjajli Tel: 21551042
Prezz tal-Kbar €10 u Tfal sa 10 snin €5. Ħlas tal-vapur mhux inkluż.
Sejħa għal Żgħażagħ biex Jipparteċipaw
Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed jagħmel stedina lil dawk iż-żgħażagħ Xagħrin li għandhom 18 jew 19-il sena biex jipparteċipaw fi skambju kulturali ġewwa Mergo fir-reġjun tal-Marche, l-Italja, bejn il-5 u l-11 ta’ Lulju li ġej. Dan l-iskambju ser jiġi organizzat bħala parti minn programm ta’ skambji kulturali li l-Kunsill ser jorganizza fix-xhur li ġejjin. Ser jintgħażlu massimu ta’ għaxar parteċipanti li jridu jkunu maqsumin f’ħames ġuvintur u ħames tfajliet. L-ispejjeż tal-ajru (Ryanair lejn Bologna) ser jitħallsu mill-parteċipanti filwaqt li l-akkomodazzjoni f’numru ta’ host families ser tkun provduta b’xejn mill-Kunsill ta’ Mergo.
Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 22 ta’ Marzu fl-4.00pm. Dawk interessati jistgħu anke jċemplu fl-Uffiċċju Amministrattiv tal-Kunsill jew jibagħtu e-mail fuq xaghra.lc@gov.mt.
Matul din il-gimgha
It-Tnejn: 4.00pm Kunsill Presbiterali. 7.30pm Kunsill Parrokkjali.
It-Tlieta: 5.00pm laqgħa għall-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin. 7.30pm laqgħa għall-Ġenituri li ser iressqu lil uliedhom għall-Magħmudija.
L-Erbgħa: 7.15pm laqgħa ta’ preparazjoni Katekezi ghall-poplu fis-Sena tal-Fidi.
Il-Ħamis: 7.00pm il-Prietka tal-Via Sagra u Adorazzjoni tas-Salib
Il-Ġimgħa: 3.00pm Is-Siegħa tad-Duluri
Is-Sibt: 7.30pm laqgha għall-koppji li żżewgu f’dawn l-aħħar 7 snin. Laqgħa għall-ġenituri kollha li għandhom lil uliedhom għad-duttrina.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
- Nikolina Formosa u l-familja joffru €15 b’suffraġju tal-għażiża ommha Franġiska Agius.
- Antoinette Xerri u l-familja joffru €12 b’suffraġju tal-għażiż missierha Joseph Sultana.